• META jdoqq l-iżveljarin taʼ Austin, ikun għadu bi ngħas. Imma malajr joħroġ mis-sodda, jilbes il-ħwejjeġ li lesta filgħaxija, u jmur ġirja żgħira—bħalma kien qed jagħmel tliet darbiet fil-ġimgħa għal sena sħiħa.

  • Laurie għadha kif iġġieldet mar-raġel tagħha. Irrabjata u mifxula, tidħol tiġri fil-kċina, toħroġ borża ċikkulatini, u tikolhom kollha—bħalma jidher li tagħmel kull darba li tkun inkwetata.

X’għandhom komuni Austin u Laurie? Kemm jekk jirrealizzaw jew le, it-tnejn ġew affettwati minn forza b’saħħitha—id-drawwa.

Xi ngħidu għalik? Hemm xi drawwiet tajbin li tixtieq li jkollok f’ħajtek? Forsi l-mira tiegħek hi li tibda tagħmel l-eżerċizzju regolarment, li torqod iżjed, jew li żżomm iktar kuntatt maʼ nies li huma għeżież għalik.

Min-naħa l-oħra, forsi tixtieq taqtaʼ xi vizzju, bħal li tpejjep, li tiekol ħafna ikel mhux sustanzjuż, jew li tqattaʼ wisq ħin fuq l-Internet.

Ngħiduha kif inhi, jistaʼ jkun diffiċli tegħleb vizzju. Fil-fatt intqal li vizzju hu bħal sodda sħuna f’ġurnata kiesħa: faċli biex tidħol fiha u diffiċli biex toħroġ minnha!

Mela kif tistaʼ tikkontrolla d-drawwiet tiegħek u tagħmilhom jaħdmu favurik minflok kontrik? Ikkunsidra t-tliet suġġerimenti li ġejjin ibbażati fuq prinċipji misjubin fil-Bibbja.