Forsi tixtieq tipprova tbiddel f’daqqa l-affarijiet kollha li tkun qed tagħmel f’ħajtek. F’qalbek tgħid, ‘Dil-ġimgħa se nieqaf inpejjep, nieqaf nitkellem ħażin, immur norqod kmieni, nibda nagħmel l-eżerċizzju, nibda niekol aħjar, u nibda nċempel lin-nanniet.’ Imma jekk tipprova tilħaq il-miri kollha tiegħek f’nifs wieħed, tistaʼ tibqaʼ ċert li ma tilħaq l-ebda waħda minnhom!

PRINĊIPJU BIBLIKU: “L-għerf hu mal-modesti.”Proverbji 11:2.

Bniedem modest ikun realistiku. Hu jaf li hemm limiti għall-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tiegħu. Allura, minflok ma jipprova jbiddel kollox f’daqqa, hu jagħmel progress bil-mod il-mod.

Jekk tipprova tilħaq il-miri kollha tiegħek f’nifs wieħed, tistaʼ tibqaʼ ċert li ma tilħaq l-ebda waħda minnhom!

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Aħdem fuq id-drawwiet tiegħek waħda waħda, b’mod realistiku. Is-suġġerimenti li ġejjin għandhom mnejn jgħinuk:

  1. Agħmel żewġ listi ta’ drawwiet—lista għad-drawwiet tajbin li tixtieq ikollok u lista għal xi drawwiet ħżiena li trid teħles minnhom. Inkludi kollox; fuq kull lista ikteb dak kollu li tista’ tiftakar.

  2. Poġġi numru ħdejn kull mira, skont l-importanza tagħha għalik.

  3. Agħżel ftit drawwiet—anke waħda jew tnejn biss—minn kull lista, u aħdem fuqhom. Imbagħad għaddi għad-drawwa jew żewġ drawwiet li jmiss fuq kull lista tiegħek.

Ħaffef il-proċess billi tbiddel drawwa ħażina maʼ drawwa tajba. Pereżempju, jekk il-lista tiegħek taʼ drawwiet ħżiena tinkludi li tara ħafna televixin u l-lista taʼ drawwiet tajbin tinkludi li żżomm kuntatt maʼ qrabatek, tistaʼ tiddeċiedi: ‘Minflok ma nixgħel it-televixin mill-ewwel meta nasal id-dar mix-xogħol kuljum, se nikkuntattja lil ħabib jew lil xi ħadd tal-familja u nkellmu ftit.’