Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIKKONTROLLA D-DRAWWIET TIEGĦEK

2 Kun f’ambjent li jgħinek

2 Kun f’ambjent li jgħinek
  • Int determinat li tibda tiekol aħjar, imma dik il-kaxxa ġelat qisha qed tgħidlek kulni.

  • Iddeċidejt li tieqaf tpejjep, imma għal darb’oħra, l-ħabib tiegħek—li jaf li qed tipprova taqtaʼ t-tipjip—joffrilek sigarett.

  • Illum ippjanajt li tagħmel l-eżerċizzju, imma anke biex tfittex il-papoċċ tal-ġiri qed taraha biċċa xogħol żejda!

Tistaʼ tara xi ħaġa komuni f’dawn ix-xeni? Darba wara l-oħra, l-esperjenza wriet li l-ambjent taʼ madwarna—is-sitwazzjonijiet li npoġġu lilna nfusna fihom u n-nies li nkunu magħhom—jinfluwenza s-suċċess f’li nrawmu drawwiet tajbin u naqtgħu l-ħżiena.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.”Proverbji 22:3.

Il-Bibbja twissina biex naħsbu bil-quddiem. B’hekk, inkunu nistgħu bil-għaqal kollu nevitaw sitwazzjonijiet li jtellfulna l-miri tagħna, u għalhekk inkunu nistgħu npoġġu lilna nfusna f’sitwazzjonijiet iktar favorevoli. (2 Timotju 2:22) F’kelma waħda, inkunu għaqlin jekk inkunu f’ambjent li jgħinna.

Agħmilha iktar diffiċli biex tagħmel il-ħaġa l-ħażina u iktar faċli biex tagħmel il-ħaġa t-tajba

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Agħmilha iktar diffiċli għalik biex tagħmel il-ħaġa l-ħażina. Pereżempju, jekk trid twaqqaf l-ikel mhux sustanzjuż mid-dieta tiegħek, ipprova żżommx ikel fil-kċina li taf li mhux tajjeb għalik. B’hekk, meta tiġi t-tentazzjoni, ikun iktar faċli għalik li żżomm sod.

  • Agħmilha iktar faċli għalik biex tagħmel il-ħaġa t-tajba. Pereżempju, jekk tkun bil-ħsieb li tagħmel l-eżerċizzju l-ewwel ħaġa filgħodu, lesti l-ħwejjeġ tal-eżerċizzju ħdejn is-sodda tiegħek filgħaxija. Iktar ma tagħmilha faċli biex tibda, iktar hemm ċans li tkompli bid-drawwa t-tajba.

  • Agħżel lil ħbiebek sew. Hemm it-tendenza li nsiru bħan-nies li nagħmluha magħhom. (1 Korintin 15:33) Allura naqqas il-kuntatt man-nies li jinkuraġġixxu drawwiet li tkun qed tipprova taqtaʼ, u fittex lil dawk li jistgħu jgħinuk issaħħaħ drawwiet tajbin.