Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Is-sbuħija fiżika

Is-sbuħija fiżika

Attitudni bilanċjata lejn is-sbuħija fiżika tistaʼ tagħmel id-differenza kollha bejn il-ferħ u d-dwejjaq.

Għala napprezzaw is-sbuħija?

Moħħ il-bniedem jinduna bis-sbuħija u kif jagħmel dan għadu misteru. Il-Bibbja ma tispjegax kif jiġri dan, imma turina għala aħna napprezzaw affarijiet sbieħ: Alla żejjinna bil-kwalitajiet tiegħu. (Ġenesi 1:27; Ekkleżjasti 3:11) Ukoll, hu ħalaq il-ġisem uman li hu tant komplikat, u tah sura u skop tal-għaġeb. F’dan ir-rigward, kittieb tal-għanjiet tal-qedem qal: “Jien se nfaħħrek [Alla] għax tal-biżaʼ l-mod taʼ l-għaġeb kif jien magħmul.”—Salm 139:14.

Iżda, illum l-attitudnijiet lejn is-sbuħija fiżika spiss huma żbilanċjati—tendenza inkuraġġita mill-industrija tal-moda u l-mezzi tax-xandir. Skont il-ktieb Body Image, ammont taʼ studji fil-kulturi tal-Punent “jindikaw li d-dehra fiżika hija l-unika u l-iktar ħaġa importanti fid-dehra ġenerali taʼ kif persuna tħares lejha nfisha.” Madankollu, ħarsa daqshekk limitata tistaʼ tfisser li xi ħaġa iktar importanti tkun qed tiġi injorata—il-qalb tal-persuna.—1 Samwel 16:7.

Ħafna kulturi jpoġġu enfasi żejda fuq id-dehra tal-ġisem u s-sesswalità

Minbarra l-attenzjoni li qed tingħata lill-ġisem, qed tiżdied enfasi żejda fuq is-sesswalità, speċjalment dik tan-nisa. Rapport tal-American Psychological Association (APA) li sar fl-2007 jgħid li: “Kważi kull tip taʼ midja li ġiet studjata tipprovdi biżżejjed evidenza li n-nisa jintgħażlu għal fuq il-midja skont kemm ikunu attraenti sesswalment.” Il-Bibbja tinkuraġġina bis-sħiħ biex nevitaw li niġu influwenzati minn tendenzi bħal dawn—u għandha raġun!Kolossin 3:5, 6.

“Tħallux it-tiżjin tagħkom ikun dak minn barra . . . , imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb, imżejna bi spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx u li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.”1 Pietru 3:3, 4.

Għala hu għaqli li jkollok ħarsa bilanċjata?

Dwar is-sbuħija fiżika, xi wħud jgħidu: “Jekk għandek is-sbuħija, uriha!” F’kulturi fejn raġunar bħal dan hu komuni, tfajliet adoloxxenti u anke tfajliet iżgħar jitgħallmu jħarsu lejhom infushom “bħala oġġetti għax-xewqat taʼ oħrajn . . . , biex iħarsu lejhom u jiġu evalwati għall-apparenza tagħhom,” jgħid rapport tal-APA. Din il-ħarsa tistaʼ  tkun taʼ ħsara kbira. Fil-fatt, saret taʼ tħassib ewlieni soċjali u taʼ saħħa li, skont l-APA, jistaʼ jwassal għal “ruxxmata taʼ konsegwenzi emozzjonali negattivi.” Dawn jistgħu jinkludu ansjetà u “saħansitra li wieħed ikun diżgustat bih innifsu . . . , problemi konnessi mal-ikel, stima baxxa, u dipressjoni jew burdata taʼ dwejjaq.”

“Neħħi d-dwejjaq minn qalbek, u biegħed l-għali minn ġismek; għax iż-żgħożija u l-fjur tal-ħajja huma frugħa.”Ekkleżjasti 11:10.

Liema attitudni turi li wieħed għandu moħħ f’loku?

Il-Bibbja tpoġġi l-“moħħ f’loku,” jew l-għaqal, f’keffa waħda mal-modestja. (1 Timotju 2:9) Ikkunsidra: Nies modesti mhumiex superfiċjali jew fiergħa, ossessjonati bid-dehra tagħhom, imma għandhom ħarsa xierqa u bilanċjata tagħhom infushom. Ukoll, huma jikkunsidraw is-sentimenti taʼ oħrajn, u b’hekk jirbħu l-ammirazzjoni, ir-rispett, u fuq kollox, l-approvazzjoni t’Alla. (Mikea 6:8) Iktar minn hekk, hemm iżjed ċans li jkollhom ħbieb veri u jattiraw lil dak li jistaʼ jkun is-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ, li ma jkunx interessat f’intimità fiżika biss imma wkoll f’għaqda dejjiema u ferħana.

Mela, għal ħafna raġunijiet tajbin, il-Bibbja tħeġġiġna niffokaw fuq “il-persuna minn ġewwa, fil-qalb.” (1 Pietru 3:3, 4) Sbuħija ġewwinija ma tinbidel qatt. Fil-fatt, tistaʼ tmur għall-aħjar maż-żmien! “Ix-xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija meta jkun fit-triq tas-sewwa,” jgħid Proverbji 16:31. B’hekk, kemm jekk żgħar jew kbar, nies li jagħtu kas il-parir superjuri tal-Bibbja se jsibu s-sigriet mhux biss għas-sbuħija li ddum imma wkoll għad-dinjità u l-kuntentizza.

“Il-ġmiel jistaʼ jkun falz, u s-sbuħija tistaʼ tkun fiergħa; imma l-mara li tibżaʼ minn Ġeħova hi dik li tirbaħ it-tifħir.”Proverbji 31:30.