Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ

Kif tkampa man-niket—Dak li tistaʼ tagħmel issa

Kif tkampa man-niket—Dak li tistaʼ tagħmel issa

Jekk tfittex pariri dwar kif tkampa man-​niket, aktarx li se ssib biżibilju taʼ ideat differenti—xi ftit jgħinu iktar minn oħrajn. Forsi dan hu minħabba li, bħalma ssemma qabel, kulħadd jirreaġixxi differenti wara li jmutlu xi ħadd. Dak li jaħdem għal xi ħadd jistaʼ ma jaħdimx għal xi ħadd ieħor.

Għalkemm dan hu minnu, hemm xi linji gwida bażiċi li ħafna sabuhom prattiċi. Professjonisti f’dan il-​qasam spiss isemmuhom, u dawn jirriflettu l-​prinċipji li jibqgħu tajbin u li ssibhom fil-​ktieb antik mimli għerf, il-​Bibbja.

1: AĊĊETTA L-​APPOĠĠ LI JAGĦTUK IL-​FAMILJA U L-​ĦBIEB

  • Xi esperti din il-​ħaġa jikkunsidrawha bħala l-​iktar fattur importanti f’li tkampa man-​niket. Imma xi kultant tkun tixtieq toqgħod waħdek. Jaf tħossok ukoll irritat b’dawk li jkunu qed jippruvaw jgħinuk. Dan hu normali.

  • Tħossokx li dejjem għandek tkun imdawwar bin-​nies, imma twarrabhomx għalkollox lanqas. Wara kollox, fil-​futur jistaʼ jkollok bżonn l-​appoġġ tagħhom. Bi mħabba għid lil oħrajn xi jkollok u x’ma jkollokx bżonn f’dak il-​mument.

  • Skont xi jkollok bżonn, sib bilanċ bejn ħin li tqattaʼ maʼ nies oħra u ħin għalik waħdek.

PRINĊIPJU: “Tnejn aħjar minn wieħed . . . Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.”—Ekkleżjasti 4:9, 10.

 2: OQGĦOD ATTENT X’TIEKOL U AGĦMEL IL-​ĦIN GĦALL-​EŻERĊIZZJU

  • Dieta bilanċjata se tgħin biex tnaqqas l-​istress li jġib miegħu n-​niket. Ipprova kul varjetà taʼ frott, ħxejjex, u ikel li ma tantx ikun fih xaħam.

  • Ixrob ħafna ilma u xorb ieħor li hu tajjeb għas-​saħħa.

  • Jekk ma tantx ikollok aptit tiekol, kul porzjonijiet żgħar iktar spiss. Tistaʼ wkoll tistaqsi lit-​tabib tiegħek dwar jekk għandekx bżonn xi vitamini. *

  • Li timxi tgħaġġel u li tagħmel tipi oħra taʼ eżerċizzju jistgħu jnaqqsu emozzjonijiet negattivi. L-​eżerċizzju jistaʼ jipprovdi ħin biex tirrifletti dwar it-​telfa tiegħek jew biex tieħu brejk milli taħseb fuqha.

PRINĊIPJU: “Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu.”—Efesin 5:29, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

3: AGĦMEL ĊERT LI TORQOD BIŻŻEJJED

  • L-​irqad dejjem hu importanti, speċjalment għal dawk li għadhom kif mitilhom xi ħadd, għax niket bħal dan jistaʼ jgħejjihom iktar.

  • Oqgħod attent kemm tieħu kafeina u alkoħol, għax it-​tnejn jistgħu jfixklu l-​irqad.

PRINĊIPJU: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.”—Ekkleżjasti 4:6.

 4: KUN FLESSIBBLI

  • Agħraf li kulħadd jitnikket b’mod differenti. Fl-​aħħar mill-​aħħar, int trid tara x’jaħdem l-​iktar għalik.

  • Ħafna jsibu li meta jitkellmu dwar in-​niket tagħhom m’oħrajn jgħinhom ikampaw aħjar, filwaqt li oħrajn jippreferu li ma jitkellmux dwaru. L-​esperti għandhom ħafna opinjonijiet differenti dwar jekk hux vitali li wieħed jitkellem dwar is-​sentimenti tiegħu biex jirnexxilu jkampa man-​niket. Jekk għandek bżonn tiftaħ qalbek maʼ xi ħadd imma qed toqgħod lura, forsi tħossha eħfef li tibda bil-​mod billi tesprimi ftit dwar kif qed tħossok maʼ ħabib tal-​qalb.

  • Xi wħud isibu li l-​biki jgħinhom ikampaw man-​niket, filwaqt li oħrajn jidhru li jkampaw anke jekk jibku inqas.

PRINĊIPJU: “Il-​qalb taf bl-​imrar tagħha stess.”—Proverbji 14:10.

 5: EVITA DRAWWIET LI JAGĦMLU L-​ĦSARA

  • Xi wħud li qed ikampaw mat-​telfa taʼ xi ħadd jipprovaw inaqqsu l-​uġigħ tagħhom billi jużaw b’mod ħażin l-​alkoħol, drogi, jew mediċini. Jekk tipprova tnaqqas in-​niket b’dan il-​mod ikun ħażin għal saħħtek. Kwalunkwe serħan li persuna tħoss ma tantx idum, u wara jiġu konsegwenzi koroh ħafna. Ipprova naqqas l-​ansjetajiet b’modi li ma tweġġax lilek innifsek bihom.

PRINĊIPJU: “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis.”—2 Korintin 7:1.

6: IBBILANĊJA L-​ĦIN TIEGĦEK

  • Ħafna jsibuha t’għajnuna li xi kultant iqattgħu ħin jagħmlu attivitajiet li jaljenawhom biex ma joqogħdux il-​ħin kollu jaħsbu dwar l-​uġigħ tagħhom.

  • Tistaʼ ssib xi ftit serħan billi tagħmel ħbiberiji ġodda jew issaħħaħ il-​ħbiberiji li għandek diġà, titgħallem abbiltajiet ġodda, jew tagħmel xi tip taʼ rikreazzjoni.

  • Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, aktarx li l-​bilanċ ħa jinbidel. Tistaʼ tinnota li l-​perjodi taʼ meta ma tkunx daqshekk imnikket jitwalu u jkunu iktar spissi. Dan hu parti naturali mill-​proċess taʼ fejqan.

PRINĊIPJU: “Għal kollox hemm żmien stabbilit; . . . żmien li tibki u żmien li tidħaq; żmien li tolfoq u żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.”—Ekkleżjasti 3:1, 4.

 7: ŻOMM RUTINA

  • Erġaʼ ibda bir-​rutina normali tiegħek kemm jistaʼ jkun malajr.

  • Meta jkollok rutina tajba u żżomm magħha f’dak li hu rqad, xogħol, u attivitajiet oħra, aktarx li ħajtek se terġaʼ tibda ġejja għan-​normal.

  • Li żżomm lilek innifsek okkupat b’attivitajiet pożittivi jistaʼ jgħinek tnaqqas l-​uġigħ li tħoss.

PRINĊIPJU: “Hu rari joqgħod jiftakar fil-​problemi tal-​ħajja qasira tiegħu, għax l-​Alla l-​veru jżommu okkupat bil-​ferħ taʼ qalbu.”—Ekkleżjasti 5:20.

8: EVITA LI TIEĦU DEĊIŻJONIJIET KBAR MALAJR

  • Ħafna li jieħdu deċiżjonijiet kbar ftit wara li jitilfu l-​għażiż tagħhom, iktar tard jiddispjaċihom.

  • Jekk inhu possibbli, stenna żmien raġunevoli qabel ma tmur toqgħod xi mkien ieħor, tbiddel ix-​xogħol, jew tneħħi l-​affarijiet tal-​għażiż tiegħek.

PRINĊIPJU: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih, imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-​bżonn.”—Proverbji 21:5.

 9: FTAKAR FL-​GĦAŻIŻ TIEGĦEK

  • Ħafna li mitilhom xi ħadd isibuha t’għajnuna li jagħmlu affarijiet li jfakkruhom fil-​persuna li mietet.

  • Tistaʼ ssibha t’għajnuna li żżomm ritratti jew affarijiet li jfakkruk fil-​persuna jew tikteb fi djarju xi ġrajjiet u stejjer li tixtieq tibqaʼ tiftakarhom.

  • Erfaʼ affarijiet li jġibulek memorji sbieħ tal-​persuna u meta tħossok lest, oqgħod arahom.

PRINĊIPJU: “Ftakar fil-​jiem taʼ dari.”—Dewteronomju 32:7, Il-​Bibbja, GħBM.

10: ĦU VAGANZA

  • Forsi tikkunsidra li tieħu vaganza.

  • Jekk vaganza twila mhix prattika, forsi tistaʼ tagħmel xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmilha għal ġurnata jew tnejn, bħal li tmur mixja fil-​kampanja, tmur sal-​baħar, jew dawra bil-​karozza.

  • Anke jekk tagħmel xi ħaġa differenti mis-​soltu tistaʼ tgħinek tkampa man-​niket.

PRINĊIPJU: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.”—Marku 6:31.

 11: GĦIN LIL OĦRAJN

  • Ftakar li kwalunkwe ħin li tistaʼ tqattaʼ tgħin lil oħrajn jistaʼ jgħin lilek biex tħossok aħjar.

  • Tistaʼ tibda billi tgħin lil oħrajn li ġew effettwati mit-​telfa tal-​għażiż tiegħek, bħal ħbieb jew qraba li għandhom bżonn lil xi ħadd li jistaʼ jifhimhom u li hu għaddej mill-​istess niket.

  • Li tagħti appoġġ u tfarraġ lil oħrajn jistaʼ jagħtik il-​ferħ mill-​ġdid u l-​iskop li jistaʼ jkollok bżonn.

PRINĊIPJU: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

12: ERĠAʼ KKUNSIDRA L-​PRIJORITAJIET TIEGĦEK

  • In-​niket li tħoss wara li jmutlek xi ħadd jistaʼ jgħinek tifhem iktar x’inhu verament importanti.

  • Ħu vantaġġ mill-​opportunità biex tevalwa kif qed tuża ħajtek.

  • Aġġusta l-​prijoritajiet tiegħek skont il-​bżonn.

PRINĊIPJU: “Aħjar tmur f’dar fejn hemm in-​niket minħabba mewt milli f’dar fejn hemm festa, għax dan hu t-​tmiem tal-​bnedmin kollha; u l-​ħaj għandu jieħu dan bis-​serjetà.”—Ekkleżjasti 7:2.

 B’mod realistiku, xejn ma jistaʼ jneħħi għalkollox l-​uġigħ li tħoss. Madankollu, ħafna li tilfu lil xi ħadd jistgħu jikkonfermaw mill-​esperjenza tagħhom stess illi li jieħdu passi pożittivi, bħal dawk li ssemmew f’dan l-​artiklu, għenhom isibu l-​faraġ. Ovvjament, m’hawnx imniżżel kull ħaġa li tistaʼ tnaqqas id-​dwejjaq. Imma jekk tipprova ftit minn dawn is-​suġġerimenti, tistaʼ ssib li jgħinuk tħossok ħafna aħjar.

^ par. 13 Stenbaħ! ma jirrikkmanda l-​ebda trattament partikulari tas-​saħħa.