Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ

Dak li tistaʼ tistenna

Dak li tistaʼ tistenna

Għalkemm xi esperti jgħidu li n-​niket minħabba mewt iseħħ f’ċertu sekwenza, kull persuna titnikket bil-​mod uniku tagħha. Li dak li jkun jirrikonoxxi u jesprimi n-​niket tiegħu jistaʼ jgħinu biex iħossu aħjar, imma m’hemmx mod “wieħed tajjeb” kif wieħed jitnikket. Kulħadd jesprimi ruħu b’mod differenti. Ifisser dan li jkun hemm min iħoss inqas it-​telfa tiegħu jew ikun “qed iżomm ġo fih” kif iħossu? Mhux bilfors. Jiddependi ħafna mill-​kultura, il-​personalità, u l-​esperjenzi tal-​ħajja tal-​individwu. Jeffettwa wkoll kif tkun ġrat it-​telfa.

IS-​SITWAZZJONI KEMM SE TMUR GĦALL-​AGĦAR?

Min jitlef lil xi ħadd għażiż fil-​mewt jistaʼ jkun li ma jkunx jaf x’jistaʼ jistenna wara. Però, hemm ċerti emozzjonijiet u sfidi li huma komuni u li spiss tistaʼ tipprepara għalihom minn qabel. Ikkunsidra dan li ġej:

Tħossok mifni emozzjonalment. Xi kultant tistaʼ tinfaqaʼ tibki, tixxennaq għall-​persuna li tkun mietet, u l-​burdata tistaʼ tinbidillek f’daqqa. L-​emozzjonijiet jistgħu jkunu saħansitra iktar qawwijin meta jiġuk f’moħħok ċerti memorji u toħlom bil-​persuna b’mod ċar. Imma għall-​ewwel taf tħossok ixxokkjat u lanqas tkun trid temmen. Tiina tiftakar kif aġixxiet meta żewġha, Timo, miet ħabta u sabta. Hi tgħid: “Għall-​ewwel ħassejtni mibluha, lanqas biss stajt nibki. U kultant tant kont inħossni mifnija li kont insibha bi tqila biex nieħu n-​nifs. Ma stajtx nemmen dak li ġara.”

Hu komuni wkoll li tħossok ansjuż, irrabjat, u ħati. Ivan jgħid, “Għal xi żmien wara li miet it-​tifel tagħna Eric, li kellu 24 sena, jien u marti, Yolanda, konna vera rrabjati. Dan issorprendiena għax qatt ma qisna lilna nfusna bħala nies irrabjati. Bdejna nħossuna wkoll ħatjin hekk kif iddubitajna jekk konniex għamilna kulma stajna biex ngħinu lit-​tifel tagħna.” Alejandro, li martu mietet wara marda fit-​tul, ukoll ħassu ħati: “Għall-​ewwel ħassejt li la Alla kien qed iħallini nbati daqshekk, allura kont bniedem ħażin. Imbagħad ħassejtni ħati, għax qisni kont qed inwaħħal f’Alla għal dak li ġara.” U Kostas, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, jgħid: “Xi kultant kont inħossni saħansitra rrabjat għal Sophia talli mietet. Imma mbagħad kont inħossni ħati għal dan. Wara kollox, ma kienx it-​tort tagħha.”

Issibha diffiċli biex taħseb sew. Jistaʼ jkun hemm żminijiet fejn wieħed filli jkun qed jaħseb ħaġa u filli oħra jew inkella l-​ħsibijiet tiegħu ma jkunux jagħmlu sens. Pereżempju, min ikun għadu kif tilef lil xi ħadd fil-​mewt jaf jibda jimmaġina li qed jisimgħu, iħossu, jew jarah. Jew inkella jistaʼ jsibha diffiċli biex jikkonċentra jew jiftakar xi affarijiet. Tiina tgħid: “Xi kultant inkun qed nitkellem maʼ xi ħadd u ninduna li moħħi jkun xi mkien ieħor. U nibda nerġaʼ nġib quddiem għajnejja l-​affarijiet li ġraw meta Timo miet. Xi kultant ma kontx inkun nistaʼ nikkonċentra u dil-​ħaġa kienet tqabbadni dwejjaq kbar.”

Tħoss ix-​xewqa li toqgħod waħdek. Persuna li tkun għadha kif tilfet lil xi ħadd għażiż jaf jibdew idejquha n-​nies jew tħossha skomda fil-​preżenza t’oħrajn. Kostas jgħid: “Fil-​kumpanija tal-​koppji kont inħossni qisni ħuta barra mill-​ilma. Imma anki man-​nies single kont inħossni skomdu.” Il-​mara taʼ Ivan, Yolanda, tiftakar: “Kien diffiċli nkun madwar nies li kienu jgergru dwar problemi li kienu jidhru żgħar imqabblin maʼ tagħna. Imbagħad kien hemm ukoll dawk li kienu jgħidulna kemm kienu sejrin tajjeb uliedhom. Kont kuntenta għalihom imma, fl-​istess ħin, kont insibha diffiċli noqgħod nismagħhom. Jien u r-​raġel fhimna li l-​ħajja trid tkompli, imma sempliċement ma kellniex ix-​xewqa jew il-​paċenzja li nkampaw maʼ sitwazzjonijiet bħal dawn.”

Problemi taʼ saħħa. Hu normali li jkun hemm bidla fl-​aptit, fil-​piż, u fl-​irqad. Aaron jiftakar is-​sena taʼ wara li miet missieru: “Jien kelli problema biex norqod.  Kont inqum fl-​istess ħin kull lejl naħseb dwar il-​mewt taʼ missieri.”

Alejandro jiftakar li hu kellu xi problemi taʼ saħħa li ma kienx hemm raġuni għalihom: “Mort għand tobba ħafna drabi u kienu jassigurawni li ma kelli xejn. Issuspettajt li kien in-​niket il-​kaġun tas-​sintomi fiżiċi tiegħi.” Eventwalment, hu ma baqax iħoss dawk is-​sintomi. Minkejja dan, kienet deċiżjoni għaqlija li Alejandro mar għand tabib. In-​niket jistaʼ jbaxxi s-​sistema tal-​immunità, jiggrava problema taʼ saħħa li diġà tkun hemm, jew saħansitra jikkawża waħda ġdida.

Tħossha diffiċli tagħmel l-​affarijiet neċessarji. Ivan jiftakar: “Wara li miet Eric, mhux biss kellna ngħidu lill-​qraba u l-​ħbieb imma anki lil ħafna nies oħrajn, bħal lill-​imgħallem tiegħu u sid il-​kera taʼ fejn kien joqgħod. Kien hemm ukoll viżibilju taʼ dokumenti legali li kellna nimlew. Imbagħad kellna naraw l-​affarijiet persunali taʼ Eric. Dan kollu kien jeħtieġ ħafna konċentrazzjoni u kien fi żmien meta konna għajjenin mentalment, fiżikament, u emozzjonalment.”

Madankollu, għal xi wħud l-​akbar sfida tiġi wara, meta jkollhom bżonn jieħdu ħsieb affarijiet li qabel kien jieħu ħsiebhom l-​għażiż tagħhom. Tiina esperjenzat din il-​ħaġa. Hi tispjega: “Dejjem kien Timo li jieħu ħsieb affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-​bank u affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu maʼ negozju. Issa dawn kienu saru r-​responsabbiltà tiegħi, u dan kompla jżid mal-​istress li diġà kelli. Kont ninkwieta jekk stajtx verament nieħu ħsieb dawn l-​affarijiet mingħajr ma nħawwad xi waħda!”

Id-​diffikultajiet—emozzjonali, mentali, u fiżiċi—li ssemmew jagħtu l-​idea li hu diffiċli ħafna biex tkampa man-​niket. Ir-​realtà hi li l-​uġigħ jistaʼ jkun kbir ħafna wara li persuna titlef lil xi ħadd għażiż, imma li persuna li għadha kif tilfet lil xi ħadd fil-​mewt tkun taf b’dan minn qabel, tistaʼ ssibha t’għajnuna. Ftakar ukoll li mhux kulħadd jesperjenza l-​effetti kollha li jistaʼ jħalli n-​niket. Iktar minn hekk, jistaʼ jkun xi ftit taʼ faraġ għall-​uħud imnikktin il-​fatt li jkunu jafu li s-​sentimenti qawwija li għandhom x’jaqsmu man-​niket huma normali.

QATT SE NERĠAʼ NKUN FERĦAN?

Dak li tistaʼ tistenna: L-​intensità tan-​niket ma tibqax għal dejjem; eventwalment tibda tnaqqas. Dan ma jfissirx li wieħed “jirkupra” għalkollox jew jinsa lill-​għażiż tiegħu. Madankollu, ftit ftit, l-​uġigħ qawwi jtaffi. Dan għandu mnejn jerġaʼ jfiġġ meta dak li jkun jiġuh f’moħħu ċertu memorji bla mistenni jew f’ċertu żmien bħal xi anniversarju. Imma eventwalment, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jaslu f’punt fejn ikollhom bilanċ emozzjonali u għal darb’oħra jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-​attivitajiet taʼ kuljum. Dan hu speċjalment minnu meta l-​persuna mnikkta jkollha l-​appoġġ tal-​familja jew il-​ħbieb u tieħu passi raġunevoli biex tkampa.

Kemm se ndum inħossni hekk? Għal xi wħud, l-​agħar għandu mnejn jgħaddi wara diversi xhur. Għal ħafna, forsi tgħaddi sena jew tnejn sakemm jindunaw li qed iħossuhom aħjar. U oħrajn għandhom bżonn saħansitra iktar żmien. * “Għalija,” jiftakar Alejandro, “in-​niket qawwi kompla għal madwar tliet snin.”

Kun paċenzjuż miegħek innifsek. Ħu ġurnata b’ġurnata, imxi bil-​pass tiegħek, u kun af li l-​uġigħ qawwi tan-​niket ma jibqax għal dejjem. Issa li għedna dan, hemm affarijiet li tistaʼ tagħmel biex ittaffi n-​niket issa u biex saħansitra ma tħallihx ikompli għaddej iktar milli hu neċessarju?

Is-​sentimenti qawwija li għandhom x’jaqsmu man-​niket huma normali

^ par. 17 Ftit uħud jistgħu jesperjenzaw niket tant qawwi u fit-​tul li jwassal għal dak li jitqies bħala niket “komplikat” jew “kroniku.” Uħud bħal dawn jaf ikollhom bżonn u jkun taʼ benefiċċju li jfittxu l-​għajnuna taʼ professjonisti tas-​saħħa mentali.