Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Jingħeleb l-ostaklu tal-lingwaĦarsa wara l-kwinti

Jingħeleb l-ostaklu tal-lingwaĦarsa wara l-kwinti

“Kultant jingħad li m’hemm ebda xogħol iżjed komplikat mit-traduzzjoni.”—“The Cambridge Encyclopedia of Language.”

QABEL ma tistaʼ tinbeda t-traduzzjoni, il-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova jiġu ppjanati, riċerkati, u miktubin b’attenzjoni. Waqt dan il-proċess, id-Dipartiment tal-Kitba fil-kwartieri ġenerali tagħhom fi New York jiċċekkja bir-reqqa t-test kollu għall-eżattezza fattwali u għall-użu korrett u aġġornat tal-lingwa. *

Imbagħad, id-Dipartiment tal-Kitba jibgħat it-test lil mijiet taʼ timijiet tat-traduzzjoni madwar id-dinja—il-biċċa l-kbira minnhom jgħixu u jaħdmu fejn il-lingwa li jittraduċu fiha l-materjal tiġi mitkellma. Il-maġġoranza minnhom jittraduċu bil-lingwa tal-pajjiż li twieldu fih. Huma għandhom jifhmu kompletament il-materjal oriġinali kif ukoll il-lingwa li jittraduċu biha.

Ġeneralment, it-tradutturi kif jagħmlu x-xogħol tagħhom?

Geraint, traduttur fil-Britannja, jispjega: “Naħdem maʼ tim taʼ tradutturi, allura s-sigriet hu kooperazzjoni tajba. Flimkien aħna nesploraw is-soluzzjonijiet għal problemi diffiċli tat-traduzzjoni. Aħna u nagħmlu dan, nikkunsidraw mhux biss il-kliem imma wkoll gruppi taʼ kliem. Aħna nqisu t-tifsira u l-iskop veru tagħhom, u l-ħin kollu nfakkru lilna nfusna dwar l-udjenza li lejha jkun immirat kull artiklu.”

X’inhi l-mira tiegħek bħala traduttur?

“Il-mira tagħna hi li l-qarrej iħoss li l-materjal ġie miktub oriġinalment  bil-lingwa tiegħu. Ma tridx tinħass bħala traduzzjoni. Għal dan l-għan, nipprovaw nużaw lingwa li hi naturali. B’dan il-mod, aħna nżommu l-attenzjoni tal-qarrej, u hu se jkompli jaqra bħallikieku qed jiekol ikel delizzjuż li jinżillu għasel.”

X’vantaġġi hemm f’li wieħed jgħix fil-pajjiż fejn tiġi mitkellma l-lingwa?

“Li nitħalltu maʼ nies tal-lokal jgħinna nittraduċu b’mod li huma jifhmu. Hawnhekk, fejn il-maġġorparti jitkellmu bil-Welsh, nisimgħu l-lingwa mitkellma kuljum. Ukoll, nistgħu nużaw termini u espressjonijiet man-nies biex inkunu nafu jekk ikunux naturali, mifhumin, u jintgħoġbux. Dan jgħinna nwasslu t-tifsir veru tat-test oriġinali.”

Kif inhu organizzat ix-xogħol tagħkom?

“Tim jiġi assenjat għal kull proġett. L-ewwel, kull membru tat-tim jaqra l-oriġinal biex jifhem tajjeb u jkollu idea ċara tal-materjal, jifhem l-istruttura bażika tiegħu u lejn liema udjenza jkun immirat. Aħna nistaqsu lilna nfusna: ‘Dan l-artiklu għaliex inkiteb? X’inhi t-tema u l-iskop tiegħu? X’nistenna li nitgħallem minnu?ʼ Dan il-proċess jgħin lit-tim jaħseb dwar affarijiet differenti li jkunu taʼ għajnuna meta jittraduċu.”

“Imbagħad, il-membri tat-tim jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom flimkien, u b’hekk jitgħallmu minn xulxin. Ċerti aħna li nifhmu l-materjal? Kif nistgħu nwasslu l-istess stil bħall-oriġinal? Il-mira tagħna hi li l-qarrejja jkollhom l-istess reazzjoni li l-kittieb oriġinali xtaq li jkun hemm fl-udjenza tiegħu.”

Il-membri tat-tim kif jaħdmu flimkien?

“Il-mira tagħna hi li l-qarrejja tagħna jifhmu t-test mal-ewwel darba li jaqrawh. Biex nilħqu dan l-iskop, naqraw kull paragrafu tradott b’leħen għoli diversi drabi.

“It-traduttur, jittajpja paragrafu bil-lingwa li jkun se jittraduċi biha waqt li nistgħu narawh ilkoll fuq l-iskrins tal-kompjuter tagħna. Aħna niċċekkjaw li ebda idea ma tħalliet barra jew ġiet miżjuda. Ukoll, naraw li jkollna naturalezza, speling tajjeb, u grammatika korretta. Imbagħad xi ħadd jaqra dak il-paragrafu b’leħen għoli. Jekk hu jew hi titfixkel meta taqrah,  nistaqsu għaliex. Ladarba l-artiklu kollu jkun ġie tradott, membru tat-tim jaqrah b’leħen għoli waqt li l-oħrajn jieħdu noti u jimmarkaw xi problemi li forsi jkollhom bżonn jitranġaw.”

Jidher li dan jinvolvi ħafna xogħol!

“Hekk hu! U sa tmiem il-ġurnata, inkunu għajjenin. Għalhekk nerġgħu naraw il-materjal filgħodu meta moħħna jkun għadu frisk. Xi ġimgħat wara, id-Dipartiment tal-Kitba jibagħtilna aġġustamenti finali għat-test oriġinali. Imbagħad nerġgħu naqraw xogħolna minn lenti ġdida, naraw kif jinstemaʼ, u nirfinawh.”

Liema għodod tal-kompjuter tużaw?

“Il-kompjuters għadhom ma jistgħux jieħdu post it-tradutturi umani. Imma x-Xhieda taʼ Ġeħova żviluppaw għodod tat-traduzzjoni li jiffaċilitaw ix-xogħol. Għodda waħda hi tip taʼ dizzjunarju li fih niġbru termini u frażijiet użati spiss. Għodda oħra tgħinna nagħmlu riċerka dwar kulma ġie tradott diġà mit-tim tagħna u naraw soluzzjonijiet kreattivi għall-isfidi tat-traduzzjoni li saru qabel.”

Kif tħossukom dwar ix-xogħol tagħkom?

“Aħna nqisu dan ix-xogħol bħala rigal għall-pubbliku. U rridu nippreżentawh bl-aħjar mod possibbli biex in-nies ikunu jistgħu jieħdu pjaċir jaqraw l-informazzjoni u jibbenefikaw minnha. Aħna nifirħu ħafna bil-possibbiltà li artiklu f’rivista jew fuq il-Websajt tagħna jmiss qalb il-qarrej u jeffettwalu ħajtu għall-aħjar.”

 Benefiċċji dejjiema

Madwar id-dinja, mijiet taʼ miljuni taʼ nies jibbenefikaw mill-qari tal-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova bil-lingwa tagħhom stess. L-għerf prattiku misjub fil-letteratura u fil-vidjows tagħhom, kif ukoll fuq il-Websajt tagħhom, jw.org, hu bbażat fuq il-Bibbja. Wara kollox, f’dak il-ktieb sagru, Alla, li ismu hu Ġeħova, jgħidilna li jrid li l-messaġġ tiegħu jasal għand nies taʼ “kull ġens u tribù u lsien u poplu.”—Rivelazzjoni 14:6. *

^ par. 4 It-test oriġinali hu ppreparat bl-Ingliż.

^ par. 25 Żur www.jw.org/mt għal eżempji taʼ xi pubblikazzjonijiet bil-kitba, bl-awdjo, u bil-vidjow bil-lingwa tiegħek stess u b’mijiet taʼ lingwi oħra.