Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Allerġija għall-ikel u intolleranza għall-ikel—X’inhi d-differenza?

Allerġija għall-ikel u intolleranza għall-ikel—X’inhi d-differenza?

Emily: “Waqaft niekol u ma bdejtx inħossni tajba. Kelli bħal ħakk f’ħalqi, u lsieni beda jintefaħ. Bdejt inħossni storduta u ma stajtx nieħu nifs sew. Beda tielaʼ raxx maʼ jdejja u għonqi. Ipprovajt ma nippanikjax, imma kont naf li kelli bżonn immur l-isptar—u malajr!”

GĦALL-biċċa l-kbira tan-nies, l-ikel huwa esperjenza pjaċevoli. Però, hemm nies li bilfors iridu jqisu ċertu ikel bħala “għedewwa.” Bħal Emily, li diġà ssemmiet, huma jbatu minn allerġiji għall-ikel. Ir-reazzjoni allerġika qawwija taʼ Emily tissejjaħ anafilassi, kundizzjoni perikoluża ferm. B’ferħ, ħafna allerġiji għall-ikel mhumiex daqshekk gravi.

Fi snin reċenti, ġew rapportati iżjed allerġiji u intolleranzi għall-ikel. Madankollu, xi studji jindikaw li ftit biss minn dawk li jaħsbu li għandhom allerġija għall-ikel saru jafu x’għandhom eżatt mingħand tabib.

X’inhi l-allerġija għall-ikel?

“L-allerġija għall-ikel m’għandhiex definizzjoni aċċettata b’mod ġenerali,” skont grupp taʼ xjentisti mmexxijin minn Dr. Jennifer J. Schneider Chafen fir-rapport tagħhom ippubblikat f’The Journal of the American Medical Association. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-esperti jemmnu li reazzjonijiet allerġiċi huma kkaġunati primarjament mis-sistema tal-immunità.

Reazzjoni allerġika għal ċertu ikel hija ġeneralment respons għal proteina f’dak l-ikel. Is-sistema tal-immunità b’mod żbaljat tidentifika din il-proteina bħala xi ħaġa li tagħmel il-ħsara. Meta proteina partikulari tidħol fil-ġisem, is-sistema tal-immunità għandha mnejn toħloq tip taʼ antibody magħruf bħala IgE biex tinnewtralizza dik il-proteina li tqis bħala għadu. Meta jerġaʼ jittiekel l-ikel li fih is-sustanza li tikkaġuna allerġija, l-antibodies li nħolqu qabel jistgħu jikkaġunaw li joħorġu sustanzi kimiċi, inkluż l-istamina (histamine).

F’ċirkustanzi normali, l-istamina għandha l-benefiċċji tagħha fis-sistema tal-immunità. Imma għal raġunijiet li mhumiex mifhumin sew, il-preżenza tal-antibodies tal-IgE flimkien mal-ħruġ tal-istamina li jseħħ wara jipproduċu reazzjoni allerġika f’nies li jinzertaw ikunu sensittivi żżejjed għal proteina partikulari fl-ikel.

Dan jispjega għala tistaʼ tiekol ikel li qatt ma kilt qabel mingħajr ebda reazzjoni li tidher imma meta terġaʼ tiekol l-istess ikel tesperjenza reazzjoni allerġika.

X’inhi l-intolleranza għall-ikel?

L-intolleranza għall-ikel, bħall-allerġija għall-ikel, tistaʼ tkun reazzjoni kuntrarja għal tip taʼ ikel. Imma b’differenza għall-allerġija għall-ikel (ikkaġunata direttament mis-sistema tal-immunità), l-intolleranza għall-ikel hija reazzjoni tas-sistema diġestiva, u b’hekk l-antibodies mhumiex involuti. Bażikament, persuna tistaʼ ssibha diffiċli biex tiddiġerixxi xi ikel, forsi minħabba nuqqas  taʼ enzimi jew minħabba kimiki misjubin fl-ikel li huma diffiċli biex jiġu diġeriti. Pereżempju, meta s-sistema diġestiva ma tipproduċix l-enzimi meħtieġa biex tiddiġerixxi t-tip taʼ zokkor misjub fi prodotti tal-ħalib ikun hemm intolleranza għal-lattosju.

Intolleranza għall-ikel tistaʼ toħroġ mal-ewwel darba li jittiekel l-ikel, peress li mhijiex kwistjoni taʼ produzzjoni taʼ antibodies. Il-kwantità tistaʼ tkun il-fattur li jiddetermina—ammont żgħir taʼ ċertu ikel jistaʼ jkun tollerat, iżda tistaʼ ssir problema meta jittieklu ammonti ikbar. Dan hu differenti minn allerġiji gravi għall-ikel meta anki ammont żgħir taʼ ikel jistaʼ jikkawża reazzjoni li tipperikola l-ħajja.

X’inhuma s-sintomi?

Jekk tbati minn allerġija għall-ikel, jistaʼ jkollok ħakk; raxx; nefħa fil-gerżuma, l-għajnejn jew l-ilsien; dardir; rimettar; jew dijarea. U f’każ agħar li jistaʼ jiġri, tistaʼ titbaxxielek il-pressjoni tad-demm, stordament, ħass ħażin, u anki attakk tal-qalb. Reazzjoni anafilattika, bħal xi waħda minn dawk li semmejna, tistaʼ tiggrava malajr u tkun fatali.

Aktarx, kwalunkwe ikel jistaʼ jikkawża allerġija. Madankollu, l-iktar allerġiji gravi għall-ikel ħafna drabi huma kkaġunati minn ftit tipi t’ikel li huma: il-ħalib, il-bajd, il-ħut, il-krustaċej, il-karawett, il-fażola tas-sojja, il-ġewż, u l-qamħ. Persuna tistaʼ tiżviluppa allerġija fi kwalunkwe età. Studji juru li l-ġenetika għandha rwol importanti, u hemm iktar ċans li tifel jiżviluppa allerġija jekk ġenitur wieħed jew it-tnejn ikollhom l-allerġiji. Huwa komuni li t-tfal ma jibqgħux ibatu bl-allerġiji meta jikbru.

Sintomi taʼ intolleranza għall-ikel huma ġeneralment inqas allarmanti minn dawk taʼ reazzjonijiet estremi t’allerġija. L-intolleranza għall-ikel tistaʼ tikkawża wġigħ fl-istonku, okkupazzjoni, gass, bugħawwieġ, uġigħ taʼ ras, raxx fil-ġilda, għeja, jew telqa mal-ġisem kollu. Intolleranza tistaʼ tkun relatata maʼ varjetà t’ikel—prodotti tal-ħalib, qamħ, glutina, alkoħol, u ħmira huma fost l-iktar komuni.

Dijanjosi u kura

Jekk taħseb li għandek mnejn tbati minn allerġija jew intolleranza għall-ikel, forsi tiddeċiedi li tmur tagħmel viżta għand speċjalista tas-saħħa. Li tkun tabib tiegħek innifsek u b’mod indipendenti tiddeċiedi li telimina ċertu ikel kultant jistaʼ jkun taʼ ħsara, għax tistaʼ bla ma tkun taf iċċaħħad lill-ġisem minn nutrimenti neċessarji.

M’hemmx trattament magħruf aċċettat għall-allerġiji gravi għall-ikel ħlief li jiġi evitat għalkollox l-ikel partikulari li jikkaġuna l-allerġija. * Mill-banda l-oħra, jekk l-allerġiji għall-ikel jew l-intolleranza għall-ikel li għandek mhumiex gravi, għandek mnejn tara xi benefiċċji milli sempliċiment tiekol inqas spiss minn ċertu ikel u tnaqqas l-ammont tiegħu. F’xi każi, madankollu dawk li jbatu b’dawn l-affarijiet għandhom jeliminaw l-ikel partikulari għalkollox, jew almenu għal ċertu żmien, jiddependi minn kemm hi severa l-intolleranza.

Għalhekk jekk għandek xi allerġija għall-ikel jew intolleranza għall-ikel, għandek mnejn tħossok aħjar meta tkun taf li ħafna li jbatu bl-allerġiji u bl-intolleranzi tgħallmu jkampaw mal-kundizzjoni tagħhom waqt li xorta jgawdu varjetà kbira t’ikel nutrittiv u delizzjuż.

^ par. 19 Ħafna drabi huwa rikkmandat li dawk li jbatu minn allerġiji gravi jġorru l-adrenalina magħhom, li tistaʼ tiġi injettata mill-persuna stess f’każ t’emerġenza. Xi speċjalisti tas-saħħa jissuġġerixxu li tfal b’allerġiji jġorru magħhom jew jilbsu indikazzjoni viżibbli li tistaʼ tavża lill-għalliema jew lil dawk li jieħdu ħsiebhom bil-kundizzjoni tagħhom.