Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

Ignaz Semmelweis

Ignaz Semmelweis

IGNAZ SEMMELWEIS jistaʼ ma jkunx isem magħruf, iżda ħafna familji moderni bbenefikaw mix-xogħol tiegħu. Hu twieled Buda (issa Budapest), l-Ungerija, u ħa l-lawrja medika tiegħu mill-Università taʼ Vjenna fl-1844. Meta beda x-xogħol bħala assistent taʼ professur fil-First Maternity Clinic of Vienna’s General Hospital fl-1846, Semmelweis iffaċċja realtà li tkexkex—iktar minn 13 fil-mija tan-nisa li welldu t-trabi hemm mietu b’marda msejħa childbed fever (deni taʼ wara l-ħlas).

Ġew proposti diversi teoriji għall-kaġun taʼ din il-marda, iżda ħadd ma solva l-misteru. L-attentati kollha li saru biex inaqqsu r-rata tal-mewt kienu għalxejn. Semmelweis, li kien ikkonċernat bin-numru inkwetanti taʼ ħafna ommijiet ittorturati b’mewta bil-mod u agonizzanti, kien determinat li jsib il-kaġun tal-marda u jwaqqafha.

L-isptar li fih kien jaħdem Semmelweis kellu żewġ kliniki tal-maternità separati, u ħaġa tal-iskantament, ir-rata tal-mewt fl-ewwel klinika kienet ħafna ogħla mit-tieni waħda. L-unika differenza bejn iż-żewġ kliniki kienet li fl-ewwel waħda kienu jiġu mgħallmin l-istudenti tal-mediċina u fit-tieni waħda l-qwiebel. Mela, għala dik id-differenza kollha fir-rati tal-imwiet? Hu u janalizza din il-mistoqsija, Semmelweis b’mod sistematiku beda jelimina xi kaġuni li setaʼ kien hemm għall-marda, imma l-veru kaġun baqaʼ ma nstabx.

Kmieni fl-1847, Semmelweis sab ħjiel kruċjali. Jakob Kolletschka, kollega u ħabib tiegħu, miet b’avvelenament tad-demm wara li kellu ferita kkaġunata waqt li kien qed jagħmel awtopsja. Hekk kif Semmelweis qara r-rapport tal-awtopsja li saret fuq Kolletschka, hu rrealizza li f’xi aspetti, dak li sab kien identiku għal dak tal-vittmi tal-marda tad-deni taʼ wara l-ħlas. Għalhekk, Semmelweis ħaseb li forsi  dak li sejjaħlu “velenu” mill-katavri kien qed jinfetta lin-nisa tqal, u b’hekk jikkaġuna l-marda tad-deni taʼ wara l-ħlas. Tobba u studenti tal-mediċina, li spiss għamlu l-awtopsji qabel imorru fis-sala tal-maternità, bla ma ntebħu kienu qed jittrasmettu l-marda lil ommijiet tqal waqt li dawn kienu jkunu qed jiġu eżaminati jew waqt it-twelid! Il-mortalità fit-tieni sala kienet iktar baxxa għaliex l-istudenti li kienu jistudjaw biex isiru qwiebel ma kinux jagħmlu awtopsji.

Semmelweis fil-pront introduċa regola stretta taʼ ħasil tal-idejn, li inkludiet l-isterilizzazzjoni tal-idejn f’taħlita taʼ trab tal-bliċ (chlorinated lime) qabel jinbdew l-eżamijiet mediċi fuq nisa tqal. Ir-riżultati kienu drammatiċi: ir-rati tal-imwiet niżlu malajr minn 18.27 fil-mija f’April għal 0.19 fil-mija sal-aħħar tas-sena.

“It-twemmin tiegħi jgħidli li l-isptarijiet tal-maternità għandhom jinħelsu mill-orrur li fihom, biex tiġi salvata l-mara għal żewġha, u l-omm għal binha.”—Ignaz Semmelweis

Mhux kulħadd ħa pjaċir bis-suċċess taʼ Semmelweis. Ir-riżultati miksubin sfidaw it-teoriji dwar id-deni taʼ wara l-ħlas li kien jemmen fihom is-superjur tiegħu, li wkoll sab l-insistenza taʼ Semmelweis irritanti. Semmelweis fl-aħħar tilef l-impjieg tiegħu fi Vjenna u mar lura l-Ungerija. Hemm ħa ħsieb id-dipartiment ostetriku (li għandu x’jaqsam mat-twelid tat-tfal) f’St. Rochus Hospital f’Pest, fejn il-metodi tiegħu baxxew ir-rata tal-mewt minħabba d-deni taʼ wara l-ħlas għal inqas minn wieħed fil-mija.

Fl-1861, Semmelweis ippubblika x-xogħol li għamel f’ħajtu, The Cause, Concept, and Prophylaxis of Childbed Fever. Sfortunatament, l-importanza tas-sejbiet tiegħu ma ġietx rikonoxxuta qabel xi snin wara. Sadanittant, ħajjiet bla għadd li setgħu ġew salvati ntilfu traġikament.

Semmelweis inforza miżuri dwar l-iġjene f’faċilitajiet mediċi li kienu taħt is-superviżjoni tiegħu.—Pittura taʼ Robert Thom

Semmelweis fl-aħħar ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-fundaturi tat-teknika moderna tal-iġjene. Xogħlu għen biex jiġi stabbilit li materjal li hu ċkejken wisq biex tarah jistaʼ jikkaġuna l-mard. Semmelweis hu parti mill-istorja tat-teorija tal-mikrobi li jġibu l-mard u li ssejħet “l-iktar kontribut importanti għax-xjenza u l-prattika medika.” Hu interessanti li iktar minn 3,000 sena qabel, il-Liġi li Alla ta lil Mosè, li iżjed tard ġiet inkluża fil-Bibbja, kienet diġà tat gwida għaqlija fuq it-trattament xieraq taʼ nies mejtin.