Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Il-fidi

Il-fidi

Xi nies jgħidu li huma reliġjużi, imma jsibuha diffiċli jifhmu xi tfisser il-“fidi.” X’inhi l-fidi, u għala hi importanti?

X’inhi l-fidi?

DAK LI JGĦIDU XI NIES

Ħafna nies jaħsbu li individwu li għandu l-fidi sempliċement jaċċetta twemmin mingħajr ma jkollu evidenza vera. Pereżempju, ikkunsidra individwu reliġjuż li jgħid, “Jien nemmen f’Alla.” Jekk dan l-individwu jiġi mistoqsi, “Għala temmen?” jistaʼ jkun li jwieġeb, “Hekk trabbejt” jew, “Minn dejjem ġejt mgħallem hekk.” F’każijiet bħal dawn, jistaʼ jidher li hemm ftit differenza bejn li jkollok il-fidi u li temmen kollox.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebrej 11:1) Biex l-istennija taʼ individwu tkun garantita, hu jew hi jeħtieġ ikollha raġunijiet loġiċi għal dik il-garanzija. Fil-fatt, il-kelma fil-lingwa oriġinali għall-frażi “l-istennija garantita” tfisser iżjed minn xi sentiment ġewwieni jew ħolma mhix realistika. Mela l-fidi tinvolvi konvinzjoni bbażata fuq evidenza.

“Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu [t’Alla], jiġifieri, il-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.”Rumani 1:20.

Għala hu importanti li tikseb il-fidi?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew, għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.”—Ebrej 11:6.

Bħalma ssemma qabel, ħafna nies jemmnu f’Alla sempliċement għax ġew mgħallmin jagħmlu dan. ‘Hekk trabbejt,’ forsi jgħidu. Imma Alla jrid li dawk li jqimuh ikollhom fiduċja ġenwina fl-eżistenza u fl-imħabba tiegħu. Din hi raġuni waħda għala l-Bibbja tenfasizza l-bżonn li nfittxuh bis-serjetà, biex hekk nistgħu nsiru nafuh verament.

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”Ġakbu 4:8.

 Kif tistaʼ tikseb il-fidi?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Il-fidi tiġi minn dak li nstemaʼ,” tgħid il-Bibbja. (Rumani 10:17) Allura, l-ewwel pass biex tibni l-fidi f’Alla hu li ‘tismaʼʼ dak li l-Bibbja verament tgħallem dwaru. (2 Timotju 3:16) L-istudju tal-Bibbja se jgħinek issib tweġibiet taʼ min joqgħod fuqhom għal mistoqsijiet importanti, li jinkludu: Min hu Alla? X’evidenza hemm tal-eżistenza tiegħu? Alla verament jimpurtah minni? X’inhu l-iskop t’Alla għall-futur?

Evidenza tal-eżistenza t’Alla tinsab madwarna

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jgħinuk tistudja l-Bibbja. Kif inhu mniżżel fuq il-Websajt tagħna, jw.org/mt, “ix-Xhieda taʼ Ġeħova jitgħaxxqu jgħallmu lin-nies dwar il-Bibbja, imma aħna qatt ma nisforzaw lil xi ħadd biex isir membru tar-reliġjon tagħna. Minflok, b’rispett nuru x’tgħid il-Bibbja filwaqt li nagħrfu li kull persuna għandha d-dritt li tagħżel x’se temmen.”

Fl-aħħar mill-aħħar, il-fidi tiegħek għandha tkun ibbażata fuq evidenza li int tosserva hekk kif tiżen kemm hu veru dak li taqra mill-Bibbja. B’hekk, int se timita l-eżempju taʼ studenti tal-ewwel seklu li “laqgħu l-kelma bl-akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.”—Atti 17:11.

“Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”Ġwanni 17:3.