Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ĠIE DISINJAT?

Għonq in-nemla

Għonq in-nemla

L-INĠINIERI jistagħġbu bl-abbiltà taʼ nemel komuni li jerfaʼ toqol ħafna itqal minn ġismu stess. Biex jifhmu din l-abbiltà, inġinieri minn Ohio State University, fl-Istati Uniti tal-Amerika, studjaw l-anatomija, il-karatteristiki fiżiċi, u l-funzjonijiet mekkaniċi tan-nemla permezz taʼ mudelli fuq il-kompjuter biex ikunu jistgħu jaraw kif kull parti tan-nemla taħdem mal-partijiet l-oħra. Il-mudelli nħolqu billi sar eksrej taʼ kull sezzjoni (micro CT scans) u ntgħamlet imitazzjoni tal-forza li tipproduċi n-nemla meta ġġorr tagħbija.

Parti importanti ħafna tal-anatomija tan-nemla hi l-għonq, li jrid iġorr il-piż kollu tat-tagħbija li n-nemla żżomm b’ħalqha. Tessuti rotob fl-għonq tan-nemla jintrabtu mal-esoskeletru iebes (kisja minn barra fuq insett) tal-parti taʼ bejn l-għonq u ż-żaqq (toraċi) b’mod li hu simili għal meta s-swabaʼ taʼ id jillokkjaw maʼ xulxin. “Id-disinn u l-istruttura taʼ kif jingħaqdu hu kruċjali biex il-ġog tal-għonq jagħmel xogħlu,” jgħid wieħed mir-riċerkaturi. “Dan il-mod uniku taʼ kif materjal iebes u materjal artab jintrabtu flimkien x’aktarx isaħħaħ din ir-rabta u jistaʼ jkun fattur fundamentali tad-disinn strutturali li jagħmilha possibbli għall-ġog tal-għonq biex iġorr piż tqil ħafna.” Riċerkaturi jittamaw li fehma ċara taʼ kif jiffunzjona għonq in-nemla se tikkontribwixxi għall-avanz fid-disinn tal-mekkaniżmi robotiċi magħmulin mill-bniedem.

Int x’taħseb? Għonq in-nemla bis-sistemi mekkaniċi komplikati u tant integrati tagħha evolva? Jew ġie disinjat?