Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IS-6 LEZZJONI

Il-bżonn tal-valuri morali

Il-bżonn tal-valuri morali

X’INHUMA L-​VALURI MORALI?

Nies li għandhom valuri morali jifhmu x’inhu tajjeb u ħażin. Huma ma jiddeterminawx x’inhu tajjeb u ħażin skont kif ikunu qed iħossuhom dak il-​ħin. Minflok, il-​valuri tagħhom huma bbażati fuq prinċipji li jaġixxu bħala gwida għall-​imġiba tagħhom, anki meta ħadd ma jkun qed jarahom.

GĦALA HU IMPORTANTI LI T-​TFAL IKOLLHOM VALURI MORALI?

It-​tfal jiġu bbombardjati b’ideat foloz dwar il-​morali, kemm jekk min-​nies li jmorru l-​iskola magħhom, mill-​mużika li jisimgħu, jew mill-​films u l-​programmi li jaraw. Dawn l-​influwenzi jistgħu jġegħluhom jiddubitaw jekk dak li tgħallmu hux tajjeb jew ħażin.

Dan hu speċjalment minnu matul l-​adoloxxenza. Sa dak iż-​żmien, jgħid il-​ktieb Beyond the Big Talk, huma “għandhom bżonn jifhmu li ħafna nies se jagħmlulhom pressjoni biex jaġixxu b’ċertu mod sabiex oħrajn jaċċettawhom, u għandhom bżonn jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet li jkunu jaqblu mal-​valuri u l-​għażliet tagħhom stess, anki jekk il-​ħbieb tagħhom ma jiħdux pjaċir b’dan.” B’mod ċar, it-​taħriġ għandu bżonn jibda qabel isiru adoloxxenti.

KIF TGĦALLIMHOM IL-​VALURI MORALI

Għallimhom b’mod ċar x’inhu tajjeb u ħażin.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nies maturi . . . għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

  • Uża kliem li jiddefinixxi l-​affarijiet bħala li huma tajbin jew ħżiena. Uża s-​sitwazzjonijiet taʼ kuljum u enfasizza l-​kuntrast: “Din hi onestà; dik mhix onestà.” “Din hi lealtà; dik mhix lealtà.” “Din hi qalb tajba; dik mhix qalb tajba.” Eventwalment, it-​tfal tiegħek se jitgħallmu liema affarijiet jistgħu jagħmlu għax huma tajbin u liema affarijiet m’għandhomx jagħmlu għax huma ħżiena.

  • Spjega għala xi ħaġa hi tajba jew ħażina. Pereżempju, staqsi mistoqsijiet bħal: Għala hu tajjeb li tkun onest? Il-​gideb kif jistaʼ jkisser il-​ħbiberiji? Għala hu ħażin li tisraq? Uża raġunar tajjeb li jgħin lit-​tfal tiegħek jiżviluppaw is-​sensi tagħhom taʼ dak li hu tajjeb u ħażin.

  • Enfasizza għala hu tajjeb li jkollhom livelli morali tajbin. Int tistaʼ tgħid: “Jekk tkun onest, in-​nies se jafdawk,” jew “Jekk tkun qalbek tajba, in-​nies se jieħdu pjaċir jagħmluha miegħek.”

 Agħmel ċert li l-​familja kollha tkun magħrufa li tgħix fi qbil maʼ dawn il-​morali tajbin.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—2 Korintin 13:5.

  • Dawn il-​valuri għandhom ikunu parti mill-​familja tiegħek sabiex verament tkun tistaʼ tgħid:

    • “Fil-​familja tagħna ma nigdbux.”

    • “Aħna ma nweġġgħux lil oħrajn jew ngħajtu magħhom.”

    • “Aħna ma nitkellmux b’kattiverija u ma noffendu lil ħadd.”

It-​tfal tiegħek se jaraw li l-​valuri morali mhumiex sempliċi regoli imma huma livelli li l-​familja trid tkun magħrufa għalihom.

  • Iddiskuti spiss il-​valuri tal-​familja tiegħek maʼ wliedek. Uża sitwazzjonijiet taʼ kuljum biex tgħallimhom. Int tistaʼ tqabbel il-​valuri tiegħek maʼ dawk li jiġu ppreżentati fuq it-​televixin jew l-​iskola. Staqsihom mistoqsijiet bħal: “Kieku int x’kont tagħmel?” “Kieku l-​familja tagħna kif kienet taġixxi f’din is-​sitwazzjoni?”

Saħħaħ il-​valuri morali.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Żommu kuxjenza tajba.”—1 Pietru 3:16.

  • Faħħar imġiba tajba. Jekk it-​tfal juru valuri morali tajbin, faħħarhom u spjegalhom għala. Pereżempju, tistaʼ tgħid: “Kont onest. Jien kburi bik.” Jekk it-​tifel jistqarr li għamel xi ħaġa ħażina, qabel tikkoreġih, faħħru b’mod sinċier talli kien onest.

  • Ikkoreġi mġiba ħażina. Għin lit-​tfal tiegħek jaċċettaw ir-​responsabbiltà għall-​azzjonijiet tagħhom. It-​tfal għandhom ikunu jafu x’għamlu ħażin u kif l-​imġiba tagħhom hi differenti minn kif taġixxi normalment il-​familja. Xi ġenituri jżommu lura milli jgħidu lil uliedhom x’għamlu ħażin għax ma jkunux iridu jiskuraġġuhom, imma li titkellem magħhom dwar l-​imġiba ħażina se tgħin lit-​tfal biex jiżviluppaw kuxjenza li tkun sensittiva għal dak li hu tajjeb u ħażin.