Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Valuri tajbin, bħal boxxla li tistaʼ toqgħod fuqha, jistgħu jgħinu lil ibnek jagħraf liema triq għandu jagħżel

 GĦALL-ĠENITURI

7: Il-valuri

7: Il-valuri

DAN XI JFISSER

Il-​valuri huma l-​livelli morali li int tagħżel li tgħix bihom. Pereżempju, tagħmel int l-​almu tiegħek biex tkun onest f’kollox? Mela x’aktarx li dan il-​livell morali tkun trid tgħallmu lil uliedek.

Ukoll, int tkun trid tgħallimhom li hu importanti li jkunu ħabrieka, raġunevoli, u jaħsbu f’oħrajn—kwalitajiet li aħjar jiżviluppawhom meta jkunu għadhom żgħar.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.”—Proverbji 22:6.

GĦALA HU IMPORTANTI

F’dan iż-​żmien taʼ teknoloġija, il-​valuri morali huma bżonjużi. “Influwenzi ħżiena tistaʼ ssibhom fuq il-​mowbajl fi kwalunkwe ħin,” tgħid omm jisimha Karyn. “Jistaʼ jkun li waqt li t-​tfal ikunu maġenbna, huma jkunu qed jaraw xi ħaġa mhix xierqa!”

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nies maturi . . . għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

Hu importanti li taħseb f’oħrajn. Dan jinkludi li turi manjieri tajbin bħal li tgħid “jekk jogħġbok” u “grazzi” u li tieħu interess f’oħrajn—valur li rari ssibu minħabba li n-​nies donnhom saru iktar moħħhom f’apparat elettroniku milli minn nies oħrajn.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Bħalma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-​istess lilhom.”—Luqa 6:31.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Għidilhom x’livelli morali għandek. Pereżempju, ir-​riċerka turi li ż-​żgħażagħ ikunu iktar lesti li ma jinvolvux ruħhom f’sess qabel iż-​żwieġ jekk ikunu ġew mgħallmin b’mod ċar li kondotta bħal din hi ħażina.

SUĠĠERIMENT: Uża ġrajja kurrenti biex tibda diskussjoni dwar il-​valuri. Pereżempju, jekk fuq l-​aħbarijiet jissemma li sar att kriminali minħabba diskriminazzjoni, int tistaʼ tgħid: “Hi xi ħaġa vera kerha li xi wħud juru rabja bħal din lejn ħaddieħor. Kif taħseb li n-​nies isiru hekk?”

“Hu ħafna iktar diffiċli għat-​tfal li jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin jekk huma ma jkunux jafu x’inhu tajjeb jew ħażin.”—Brandon.

Għallem lil uliedek jaħsbu f’oħrajn. Anki t-​tfal żgħar kapaċi jitgħallmu jgħidu “jekk jogħġbok” u “grazzi” u juru rispett lejn oħrajn. “Iktar ma t-​tfal jifhmu li mhumiex waħedhom imma li jagħmlu parti minn xi ħaġa ikbar—familja, skola, komunità—iktar ikunu lesti li jagħmlu affarijiet li jibbenefikaw minnhom oħrajn u mhux huma biss,” jgħid il-​ktieb Parenting Without Borders.

SUĠĠERIMENT: Lit-​tfal agħtihom jagħmlu xi xogħol tad-​dar biex tgħinhom jifhmu li hu importanti li jaqdu lil ħaddieħor.

“Jekk it-​tfal tagħna jidraw minn issa jagħmlu x-​xogħol tad-​dar, huma ma jsibuhiex diffiċli meta jiġu biex jgħixu waħedhom. Li jieħdu ħsieb tar-​responsabbiltajiet ikun diġà sar parti minn ħajjithom.”—Tara.