Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Id-diskors bir-rispett hu bħat-tajn li jistaʼ jżomm iż-żwieġ tiegħek f’unjoni

 GĦALL-KOPPJI

3: Uru rispett

3: Uru rispett

DAN XI JFISSER

Koppji li jirrispettaw lil xulxin jimpurtahom minn xulxin anki meta ma jaqblux fuq xi ħaġa. “Huma jevitaw li jidħlu f’sitwazzjoni fejn ħadd minnhom ma jkun lest li jċedi,” jgħid il-​ktieb Ten Lessons to Transform Your Marriage. “Dawn jibqgħu jitkellmu maʼ xulxin fuq kwalunkwe nuqqas taʼ qbil li jistaʼ jkollhom. Huma jisimgħu b’rispett l-​opinjoni taʼ xulxin u jsibu kompromess li jkun tajjeb għat-​tnejn.”

PRINĊIPJU BIBLIKU: “L-​imħabba . . . ma tfittixx l-​interessi tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5.

“Li nirrispetta lil marti jfisser li napprezzaha u ma rrid nagħmel xejn li jkisser lilha jew liż-​żwieġ tagħna.”—Micah.

GĦALA HU IMPORTANTI

Mingħajr rispett, il-​konversazzjonijiet bejn il-​koppji jibdew jinkludu kritika, sarkażmu, u saħansitra tmaqdir—kwalitajiet li skont ir-​riċerkaturi huma l-​ewwel sinjali li jistgħu jwasslu għad-​divorzju.

“Li tagħmel kummenti li jweġġgħu, insinwazzjonijiet, jew li tkun sarkastiku dwar il-​mara tiegħek se jwassal biex hi ma tibqax kunfidenti fiha nfisha, titlef il-​fiduċja tagħha fik, u jitkisser iż-​żwieġ.”—Brian.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

EŻAMINA LILEK INNIFSEK

Agħmel ġimgħa nnota kif titkellem u taġixxi. Imbagħad saqsi lilek innifsek:

  • ‘Kemm-​il darba kkritikajt lil żewġi jew lil marti, u kemm-​il darba tajtha kumpliment?’

  • ‘B’mod speċifiku, fejn urejt rispett lejn żewġi jew marti?’

IDDISKUTU DAN BĦALA KOPPJA

  • Liema azzjonijiet u kliem se jgħinu lil kull wieħed minna jħossu rispettat?

  • Liema azzjonijiet u kliem iġiegħlu lil kull wieħed minna jħossu mhux rispettat?

SUĠĠERIMENTI

  • Ikteb tliet modi li fihom tixtieq li tintwera rispett. Għid lir-​raġel jew il-​mara tiegħek tagħmel l-​istess. Imbagħad agħtu n-​noti tagħkom lil xulxin u aħdmu fuq li turu rispett fl-​affarijiet li semmejtu.

  • Agħmel lista tal-​kwalitajiet li tammira fil-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. Imbagħad għidilha kemm tapprezza dawn il-​kwalitajiet.

“Li nirrispetta lil żewġi jfisser li bl-​azzjonijiet tiegħi nuri li napprezzah u li rridu jkun ferħan. M’hemmx għalfejn dejjem ikunu affarijiet kbar; spiss affarijiet żgħar li ngħid jew nagħmel juru li għandi rispett ġenwin lejh.”—Megan.

Fl-​aħħar mill-​aħħar, mhijiex kwistjoni taʼ li int tqis lilek innifsek li qed turi rispett, imma li żewġek jew martek tħossha rispettata.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul.”—Kolossin 3:12.