Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Li tobdi mill-ġenituri hu bħal meta tħallas dejn lill-bank. Iktar ma tkun responsabbli, iktar se jafdawk

 GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

10: Kun taʼ min jafdak

10: Kun taʼ min jafdak

DAN XI JFISSER

Nies li tistaʼ tafdahom jiksbu l-​fiduċja tal-​ġenituri, il-​ħbieb, u l-​imgħallmin tagħhom. Huma jobdu r-​regoli, iżommu l-​wegħdi, u dejjem jgħidu l-​verità.

GĦALA HU IMPORTANTI

Kemm tirċievi libertà, kważi dejjem jiddependi minn kemm urejt li int taʼ min jafdak fuq perjodu taʼ żmien.

“L-​aqwa mod kif tikseb il-​fiduċja tal-​ġenituri hu billi turihom bl-​azzjonijiet li int matur u responsabbli, mhux biss meta tkun magħhom.”—Sarahi.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—2 Korintin 13:5.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kemm jekk tixtieq li n-​nies jafdawk iktar u kemm jekk tixtieq li jerġgħu jibdew jafdawk, il-​passi li ġejjin jistgħu jgħinuk.

Kun onest. Meta tigdeb, in-​nies malajr ma jibqgħux jafdawk. Għall-​kuntrarju, meta tkun onest u ma taħbi xejn—l-​iktar dwar l-​iżbalji tiegħek—int tistaʼ tikseb il-​fiduċja t’oħrajn.

“Meta l-​affarijiet ikunu sejrin sew, faċli li tkun onest. Imma meta tkun onest dwar affarijiet li jitfgħuk f’dell ikrah, in-​nies se jaraw li jistgħu jafdawk iktar.”—Caiman.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

Kun responsabbli. Fi stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti, 78 fil-​mija taʼ dawk li jimpjegaw lin-​nies urew li “waħda mit-​tliet abbiltajiet l-​iktar importanti” li jfittxu fl-​impjegati hi li jkunu responsabbli. Jekk titgħallem tkun responsabbli minn issa se jgħinek meta ssir adult.

“Il-​ġenituri tiegħi jinnotaw meta nkun responsabbli u meta ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jiġru warajja biex nagħmel xogħol fid-​dar. Iktar ma nieħu l-​inizjattiva, iktar jafdawni.”—Sarah.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Jien fiduċjuż li se tilqaʼ t-​talba tiegħi u naf li se tagħmel saħansitra iktar minn dak li qed ngħidlek.”—Filemon 21.

Kun paċenzjuż. Meta persuna tikber fiżikament, oħrajn malajr jindunaw, imma jieħu ż-​żmien biex jindunaw li tkun qed tikber emozzjonalment u mentalment.

“Biex tikseb il-​fiduċja tal-​ġenituri u t’oħrajn ma jiddependix minn xi ħaġa waħda biss. Imma tistaʼ tiksibha bil-​mod il-​mod jekk dejjem tkun responsabbli.”—Brandon.

PRINĊIPJU BIBLIKU: ‘Ilbsu s-​sabar fit-​tul.’—Kolossin 3:12.