Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-komunikazzjoni hi l-pont li jgħinek tkun qrib uliedek

 GĦALL-​ĠENITURI

5: Il-komunikazzjoni

5: Il-komunikazzjoni

DAN XI JFISSER

Il-​komunikazzjoni tkun tajba meta int u t-​tfal tiegħek taqsmu flimkien dak li tkunu qed taħsbu u tħossu.

GĦALA HU IMPORTANTI

Il-​komunikazzjoni tistaʼ tkun taʼ sfida speċjalment maż-​żgħażagħ taʼ bejn it-​13 u d-​19-​il sena. Meta t-​tfal tiegħek kienu żgħar, kienu jgħidulek tistaʼ tgħid kollox. Imma issa li saru adoloxxenti, saru inqas lesti li jiftħu qalbhom miegħek, u allura ma tkunx taf x’inhuma jaħsbu u jħossu. Ikun bħal qisu t-​tfal qegħdin fuq in-​naħa l-​oħra taʼ xmara wiesgħa. Minkejja li donnhom ma jkunux iridu jitkellmu, dan ikun iż-​żmien meta l-​iktar li jkun hemm bżonn komunikazzjoni!

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kun lest li titkellem magħhom meta jkun ħin tajjeb għalihom. Agħmel dan anki jekk ikun tard billejl.

“Forsi tkun tixtieq tgħid, ‘Issa trid tkellimni? Kont il-​ġurnata kollha miegħek!’ Imma għala għandna ngergru jekk it-​tfal ikunu jridu jiftħu qalbhom magħna? Mhux dan hu li jixtieq kull ġenitur?”—Lisa.

“Jien ma nkunx nixtieq nidħol norqod tard, imma sibt li l-​aħjar konversazzjonijiet li kelli mat-​tfal kienu wara nofsillejl.”—Herbert.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Korintin 10:24.

Tħalli xejn itellfek. Wieħed missier jammetti: “Kultant, meta t-​tfal ikunu qed ikellmuni, moħħi jkun qed jaħseb fuq affarijiet oħra. Imma huma jindunaw—m’għandekx ċans li se tidħaq bihom!”

Jekk dan jiġri lilek ukoll, itfi t-​televixin jew neħħi kwalunkwe ħaġ’oħra li tistaʼ ttellfek, bħal mowbajl jew tablet. Iffoka fuq dak li qed jgħidlek it-​tifel u agħtih l-​attenzjoni kollha tiegħek, avolja dak li jkun qed jinkwetah jistaʼ ma jidhirx daqshekk importanti għalik.

“Irridu niżguraw lit-​tfal tagħna li l-​mod kif huma jħossuhom huwa importanti għalina. Jekk jaħsbu li mhuwiex importanti, huma jispiċċaw iżommu kollox ġo fihom jew jitkellmu maʼ xi ħadd ieħor.”—Maranda.

“Tagħmilhomx bi kbar, anki jekk l-​irraġunar tat-​tifel ma jkunx tajjeb.”—Anthony.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.”—Luqa 8:18.

Ħu l-​opportunità meta t-​tfal ikunu rilassati. Kultant it-​tfal ikunu iktar lesti jiftħu qalbhom meta ma jkunux bilqiegħda quddiem il-​ġenitur.

“Aħna naħtfu l-​opportunità meta nkunu fil-​karozza. Li nkunu maġenb xulxin minflok faċċata taʼ xulxin għen biex ikollna diskussjonijiet tajbin.”—Nicole.

Il-​ħin tal-​ikel ukoll jagħti opportunità tajba biex issir konversazzjoni rilassata.

“Fil-​ħin tal-​ikel, kull wieħed minna jsemmi l-​agħar ħaġa u l-​isbaħ ħaġa li jkun għadda minnhom f’dik il-​ġurnata. Din id-​drawwa tgħinna nibqgħu magħqudin u tgħinna nifhmu li ħadd minna m’għandu għalfejn jiffaċċja l-​problemi waħdu.”—Robin.

PRINĊIPJU BIBLIKU: ‘Kun ħafif biex tismaʼ u tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.