Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Meta tkun konvint mill-identità tiegħek tistaʼ anke tegħleb l-ikbar maltempati

 GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

9: L-identità tiegħek

9: L-identità tiegħek

DAN XI JFISSER

L-​identità tiegħek mhijiex biss ismek u kif tidher. Tinvolvi l-​valuri tiegħek, dak li temmen, u l-​personalità tiegħek. Fil-​verità, l-​identità hi dak kollu li jagħmlek inti—kemm minn ġewwa u kif ukoll minn barra.

GĦALA HU IMPORTANTI

Meta tkun taf min int verament, int tiddefendi dak li temmen u ma tħallix lil dawk tamparek jikkontrollawk.

“Ħafna nies qishom manikini li tara fil-​vetrini tal-​ħwienet. Mhux huma jagħżlu l-​ħwejjeġ li jilbsu, imma oħrajn jagħżlu għalihom.”—Adrian.

“Jien tgħallimt niddefendi dak li hu tajjeb anke meta jkun diffiċli. Nistaʼ ninduna min huma l-​ħbieb veri tiegħi bil-​mod kif jaġixxu huma u bil-​mod kif naġixxi jien meta nkun magħhom.”—Courtney.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom.”—Rumani 12:2.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ara x’tip taʼ persuna int issa u x’tip taʼ persuna tixtieq issir billi tara x’inhuma l-​kapaċitajiet tiegħek, id-​dgħufijiet tiegħek, u dak li temmen. Mod kif tkun taf dan hu billi twieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin.

Kapaċitajiet: X’talenti u abbiltajiet għandi? X’inhuma l-​kwalitajiet pożittivi tiegħi? (Pereżempju: Jien puntwali? kapaċi nikkontrolla lili nnifsi? bieżel? ġeneruż?) X’inhuma xi affarijiet tajbin li nagħmel?

SUĠĠERIMENT: Qed issibha diffiċli biex issib affarijiet tajbin fik innifsek? Saqsi lil ġenitur jew ħabib li tafda x’kapaċitajiet hu jew hi tara fik u kif turihom.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Galatin 6:4.

Dgħufijiet: Fuq xiex għandi bżonn naħdem l-​iktar fil-​personalità tiegħi? Meta jkun hemm iktar ċans li nitħajjar nagħmel xi ħaġa ħażina? F’liema aspetti nistaʼ nitgħallem nikkontrolla iktar lili nnifsi?

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Jekk ngħidu: ‘M’għandniex dnub,’ qed inqarrqu bina nfusna.”—1 Ġwanni 1:8.

Dak li nemmen: X’inhuma l-​livelli li nżomm magħhom, u għala? Nemmen f’Alla? X’evidenza kkonvinċietni li jeżisti? X’ma narax li hu fair, u għala? X’nemmen li ħa jiġri fil-​futur?

PRINĊIPJU BIBLIKU: “L-​abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek, u d-​dixxerniment iħarsek.”—Proverbji 2:11.