Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għalkemm l-industrija tad-divertiment tippreżenta suġġetti u karattri spiritistiċi b’mod affaxxinanti, hemm bżonn li nkunu konxji tal-perikli li għandhom x’jaqsmu magħhom

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’HEMM WARA S-SOPRANATURALI?

X’tgħallem il-Bibbja dwar l-ispiritiżmu?

X’tgħallem il-Bibbja dwar l-ispiritiżmu?

ĦAFNA nies huma dubjużi dwar kull ħaġa li għandha x’taqsam mas-sopranaturali u l-ispiritiżmu. Huma jikkunsidrawhom ingann jew bħala xi ħaġa kreattiva tal-kittieba tal-industrija tal-films. Madankollu, il-Bibbja tqishom differenti. Din tipprovdi twissijiet ċari dwar l-ispiritiżmu. Pereżempju, Dewteronomju 18:10-13 jgħid: “M’għandux jinstab [fostkom] . . . xi ħadd li jeħber, min jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-mejtin.” Għala le? L-iskrittura tkompli tgħid: “Kulmin jagħmel dawn l-affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova. . . . Għandek tkun bla nuqqas quddiem Ġeħova Alla tiegħek.”

Il-Bibbja għala tikkundanna b’qawwa kull tip taʼ spiritiżmu?

ORIĠINI DIŻGUSTANTI

Il-Bibbja tgħidilna li ħafna qabel ma Alla għamel l-art, hu ħalaq miljuni taʼ ħlejjaq spirti, jew anġli. (Ġob 38:4, 7; Rivelazzjoni 5:11) Kull wieħed minn dawn l-anġli kellu l-libertà tal-għażla—l-abbiltà li jagħżel bejn dak li hu tajjeb u ħażin. Uħud minnhom iddeċidew li jirribellaw kontra Alla u abbandunaw il-pożizzjoni li kellhom fis-sema biex jaqilgħu l-inkwiet fuq l-art. B’hekk, l-art “imtliet bil-vjolenza.”—Ġenesi 6:2-5, 11; Ġuda 6.

Il-Bibbja tgħid li dawn l-anġli mill-agħar jinfluwenzaw bil-kbir billi jqarrqu b’miljuni taʼ  nies. (Rivelazzjoni 12:9) Huma saħansitra jieħdu vantaġġ mill-fatt li n-nies huma kurjużi dwar il-futur.—1 Samwel 28:5, 7; 1 Timotju 4:1.

Vera, xi qawwiet sopranaturali donnhom jgħinu lin-nies. (2 Korintin 11:14) Però, fir-realtà, l-anġli mill-agħar qed jipprovaw jagħmu l-imħuħ tan-nies biex ma jarawx il-verità dwar Alla.—2 Korintin 4:4.

Għaldaqstant, skont il-Bibbja, il-kuntatt mal-ispirti mill-agħar mhuwiex divertiment li ma jagħmilx ħsara. Fil-fatt, meta wħud li xtaqu jsiru dixxipli taʼ Ġesù ġew mgħallma l-verità dwar dawn l-attivitajiet, “dawk [fosthom] li kienu jipprattikaw metodi sopranaturali ġabru l-kotba kollha tagħhom u ħarquhom,” avolja kienu jqumu ħafna flus.—Atti 19:19, Byington.

“Jistaʼ jkun li t-tfajliet qed jemmnu iżjed fil-maġija minħabba li qed jiġu influwenzati minn sħaħar attraenti u seduċenti li jidhru fuq it-televixin, fil-films, u fil-kotba.”—Gallup Youth Survey, 2014

Bl-istess mod, ħafna llum iddeċidew li ma jkollhom xejn x’jaqsmu m’attivitajiet u divertiment li għandhom oriġini spiritistiċi. Pereżempju, meta Maria * kellha 12-il sena, donna setgħet tgħid bil-quddiem ċerti ġrajjiet jew perikli li kienu se jseħħu. Hi kienet taqra l-karti tax-xorti għal sħabha tal-iskola, u ladarba dak li kienet tbassar kien iseħħ, saret affaxxinata bl-okkult.

Maria ħasbet li kellha don minn Alla biex tgħin lin-nies. “Imma xi ħaġa bdiet iddejjaqni,” tammetti hi. “Meta kont naqra l-karti, kont naqrahom għal ħaddieħor. Ma stajtx nużahom għalija nnifsi għalkemm xtaqt inkun naf il-futur tiegħi.”

Peress li Maria kienet konfuża minħabba li kellha ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba,  hi talbet lil Alla. Imbagħad ġiet ikkuntattjata mix-Xhieda taʼ Ġeħova u bdiet studju tal-Bibbja magħhom. Maria tgħallmet mill-Bibbja li l-abbiltà li kellha biex tgħid il-futur ma kinitx ġejja minn Alla. Hi tgħallmet ukoll li dawk li jridu jkunu ħbieb t’Alla għandhom ineħħu kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam mal-ispiritiżmu. (1 Korintin 10:21) X’kien ir-riżultat? Maria rmiet il-kotba u l-affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-okkult. Issa hi qed tgħid lil oħrajn il-veritajiet eżatti li tgħallmet mill-Bibbja.

Meta Michael kien għadu żagħżugħ, kien iħobb jaqra stejjer tal-fantaxjenza dwar karattri sopranaturali. “Kont nieħu pjaċir inpoġġi lili nnifsi flok il-protagonisti li kienu jesploraw dinjiet immaġinarji,” jgħid hu. Ftit ftit, għal Michael saret xi ħaġa normali li jaqra kotba dwar il-maġija u dwar ritwali Sataniċi. “Il-kurżità kienet tegħlibni, u allura kont naqra kotba u nara films li kellhom x’jaqsmu maʼ dawn is-suġġetti,” jammetti hu.

Madankollu, meta Michael studja l-Bibbja, fehem kemm kellu bżonn jeżamina sew dak li kien qed jaqra. “Għamilt lista taʼ dak kollu li kellu x’jaqsam mal-ispiritiżmu u ħlist minnu,” jgħid hu. “Tgħallimt lezzjoni importanti. Fl-1 Korintin 10:31, il-Bibbja tgħid: ‘Agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.’ Issa nsaqsi lili nnifsi, ‘Hemm xi ħaġa f’dan il-ktieb li Alla jaraha ħażina?’ Jekk iva, mela mhux għall-glorja t’Alla, u allura jien ma naqrahx.”

Il-Bibbja b’mod xieraq hi deskritta bħala fanal. Din hi sors uniku taʼ dawl li jikxef x’inhu verament l-ispiritiżmu. (Salm 119:105) Imma l-Bibbja tgħid iktar minn hekk. Fiha nsibu wegħda meraviljuża taʼ dinja meħlusa mill-qawwa tal-ispirti mill-agħar. L-effett fuq il-bnedmin se jkun kbir ħafna. Pereżempju, Salm 37:10, 11 jgħid: “Ftit ieħor biss, u l-ħażin ma jkunx iktar; u int tħares bir-reqqa fejn kien, u ma jkunx hemm. Imma l-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”

^ par. 10 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.