Kieku kellek tfittex għal parir dwar ir-relazzjonijiet, kont tfittex l-ewwel fil-Bibbja jew forsi din tkun l-aħħar post li tfittex fih? Ikkunsidra kif l-għerf tal-qedem tagħha jitqabbel mar-riċerka reċenti.

L-Indja

Wieħed u sittin fil-mija taż-żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena jemmnu li s-sess qabel iż-żwieġ “m’għadux kwistjoni kbira fl-Indja,” skont stħarriġ li sar fl-2014. Tabib li jaħdem f’Mumbai qal lill-Hindustan Times li fil-fehma tiegħu, “li tinbeda relazzjoni ma jfissirx li ż-żgħażagħ ikollhom iż-żwieġ f’moħħhom. Kemm jekk tkun relazzjoni sesswali taʼ darba, kemm jekk relazzjoni każwali u kemm jekk jgħixu flimkien, għalihom m’hemmx għalfejn jikkommettu ruħhom lil xulxin.”

AĦSEB DWAR DAN: Huma l-mard trasmess sesswalment u t-trawma emozzjonali iżjed assoċjati maʼ sess qabel iż-żwieġ jew maʼ sess wara ż-żwieġ?—1 Korintin 6:18.

Id-Danimarka

L-argumenti spissi fost membri tal-familja jistgħu jwasslu biex dawn ikollhom riskju doppju taʼ li jmutu taʼ mezz’età. Riċerkaturi tal-University of Copenhagen eżaminaw kważi 10,000 persuna taʼ mezz’età matul perijodu taʼ 11-il sena u sabu li parteċipanti li argumentaw spiss maʼ xi ħadd tal-familja x’aktarx li kellhom iktar ċans imutu qabel iż-żmien minn dawk li rari argumentaw. Awtriċi tal-istudju tgħid illi li tittratta maʼ ansjetajiet u bżonnijiet u timmaniġġa konflitti “jistgħu jkunu kkunsidrati bħala metodi importanti biex inaqqsu l-mewt qabel iż-żmien.”

IL-BIBBJA TGĦID: “Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-għarfien, u bniedem taʼ dixxerniment iżomm spirtu kalm.”—Proverbji 17:27.

L-Istati Uniti

“Koppji ċikliċi”—dawk li jinfirdu mbagħad jerġgħu jirranġaw waqt in-namur—ikollhom iżjed ċans li jisseparaw għal ftit matul l-ewwel ħames snin taż-żwieġ tagħhom, skont studju reċenti li sar f’Louisiana fuq 564 koppja li kienu għadhom kif iżżewġu. Ukoll, ikun hemm iżjed ċans għal iktar konflitti u jkunu inqas sodisfatti biż-żwieġ tagħhom.

IL-BIBBJA TGĦID: “Dak li Alla għaqqad flimkien [fiż-żwieġ] ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.