IL-Professur Yan-Der Hsuuw hu d-direttur tar-riċerka tal-embriji fin-National Pingtung University of Science and Technology fit-Tajwan. Darba kien jemmen bl-evoluzzjoni, iżda wara li sar xjentist tar-riċerka bidel ħsiebu. Hu spjega r-raġunijiet tiegħu lil Stenbaħ!

Jekk jogħġbok għidilna xi ħaġa dwarek.

Twelidt fl-1966 u trabbejt fit-Tajwan. Ir-reliġjon tal-ġenituri kienet ibbażata kemm fuq it-Taoiżmu kif ukoll fuq il-Buddiżmu. Għalkemm konna nqimu lill-antenati tagħna u nitolbu quddiem l-istatwi, qatt ma ħsibna dwar Alla bħala l-wieħed li ħalaq kollox.

Għala studjajt il-bijoloġija?

Bħala tifel, kont nieħu gost nieħu ħsieb il-pets, u ridt nitgħallem kif intaffi t-tbatija tal-annimali u n-nies. Għal xi żmien studjajt il-mediċina veterinarja, u iktar tard studjajt l-embrijoloġija—qasam li kont nittama li kien se jgħinni nifhem ukoll l-oriġini tal-ħajja.

Dak iż-żmien kont temmen bl-evoluzzjoni. Tistaʼ tgħidilna għala?

Il-professuri tal-università għallmu l-evoluzzjoni, u sostnew li l-evidenza tappoġġjaha. Jien kont nemminhom.

Għala bdejt taqra l-Bibbja?

Kelli żewġ raġunijiet. L-ewwel, irraġunajt li minn dawk il-ħafna allat li n-nies iqimu, wieħed għandu jkun ikbar mill-oħrajn. Imma liema wieħed? It-tieni, kont naf li l-Bibbja hi ktieb rispettat ħafna. Allura ngħaqadt f’lezzjonijiet tal-istudju tal-Bibbja.

Fl-1992, meta bdejt nistudja fil-Catholic University of Leuven, il-Belġju, mort fi knisja Kattolika u tlabt lill-qassis jgħinni nifhem il-Bibbja, imma ma laqax it-talba tiegħi.

Allura l-ġuħ spiritwali tiegħek kif inqataʼ?

Sentejn wara, waqt li kont għadni l-Belġju nagħmel riċerka xjentifika, iltqajt maʼ mara Pollakka jisimha Ruth, li kienet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Kienet tgħallmet iċ-Ċiniż biex tgħin lil studenti universitarji li riedu jitgħallmu dwar Alla. Kont tlabt għal għajnuna bħal din, allura fraħt ħafna meta ltqajt maʼ din il-mara.

Ruth urietni li l-Bibbja, filwaqt li mhix ktieb xjentifiku, hi fi qbil max-xjenza. Pereżempju, il-kittieb Bibliku David f’talb lil Alla qal: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati u ma kien għad hemm ebda parti teżisti.” (Salm 139:16) Għalkemm David kien qed juża lingwa poetika, fir-realtà qal sew! Saħansitra qabel jifformaw partijiet tal-ġisem, l-istruzzjonijiet għall-iżvilupp tagħhom kollha jkunu hemm. L-eżattezza tal-Bibbja għenitni nikkonvinċi ruħi li hi l-Kelma t’Alla. Bdejt nifhem ukoll li hemm biss Alla veru wieħed, Ġeħova. 1

Xi kkonvinċiek li Alla ħalaq il-ħajja?

Waħda mill-miri tar-riċerka xjentifika hi li tinstab il-verità, mhux li jiġu appoġġjati ideat li diġà kienu jeżistu. L-istudju li għamilt fuq l-iżvilupp tal-embriju wassalni biex nibdel l-opinjoni tiegħi —jiġifieri, ikkonkludejt li l-ħajja ġiet maħluqa. Biex inġib eżempju, l-inġinieri jiddisinjaw linji tal-immuntar biex il-partijiet it-tajba jingħaqdu bl-ordni kif suppost u bil-mod it-tajjeb. L-iżvilupp tal-embriju hu xi ħaġa simili imma bil-wisq iżjed komplikat.

Il-proċess jibda b’ċellula waħda fertilizzata, hux hekk?

Iva. Din iċ-ċellula mikroskopika mbagħad tinqasam, u b’hekk jinbeda l-proċess tal-qsim taċ-ċelluli. Għal xi żmien, in-numru taʼ ċelluli jirdoppja kull 12 sa 24 siegħa. Kmieni f’dan il-proċess, ċelluli msejħin stem cells (ċelluli mhux speċjalizzati li minnhom jissawru ċelluli speċjalizzati) jifformaw. 2 L-istem cells jistgħu jipproduċu kważi kwalunkwe waħda mill-madwar 200 tip differenti taʼ ċelluli meħtiġin biex tifforma tarbija kompletament, bħal ċelluli tad-demm, ċelluli tal-għadam, ċelluli tan-nervituri, u nibqgħu sejrin.

L-istudju tiegħi tal-iżvilupp tal-embriju wassalni biex nikkonkludi li l-ħajja ġiet maħluqa

Iċ-ċelluli tajbin għandhom jiġu prodotti bl-ordni kif suppost u fil-postijiet kif suppost. Dawn l-ewwel jingħaqdu f’nisġa taʼ ċelluli li mbagħad tifforma f’organi u dirgħajn u riġlejn. Liema inġinier saħansitra joħlom li jikteb istruzzjonijiet għal proċess bħal dan? Madankollu, l-istruzzjonijiet għall-iżvilupp tal-embriju huma miktubin b’mod tal-għaġeb fid-DNA. Meta nikkunsidra dan il-ġmiel kollu nkun konvint li l-ħajja ġiet disinjata minn Alla.

Għala sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova?

F’kelma waħda, l-imħabba. Ġesù Kristu qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Din l-imħabba hija imparzjali. Mhijiex influwenzata min-nazzjonalità, kultura, jew il-kulur tal-ġilda taʼ persuna. Jien osservajt u wkoll esperjenzajt din it-tip taʼ mħabba meta bdejt nassoċja max-Xhieda.

^ 2. Minħabba l-kuxjenza Kristjana tiegħu, il-Professur Yan-Der Hsuuw ma jaħdimx bl-istem cells tal-embriju uman.