Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA | L-ANSJETÀ

L-ansjetà

L-ansjetà

L-ansjetà hi bħal munita b’żewġt uċuħ. Wieħed taʼ vantaġġ u l-ieħor mhux. Il-Bibbja tgħinna nagħrfu ż-żewġ naħat.

Hu normali li tkun ansjuż?

IR-REALTÀ

L-ansjetà tinvolvi sentimenti taʼ skumdità, aġitazzjoni, jew inkwiet. Minħabba li ngħixu f’dinja inċerta, mumenti taʼ ansjetà jistgħu jegħlbu lil kull wieħed u waħda minna.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Is-Sultan David kiteb: “Kemm se ndum nirreżisti waħdi, bi swied taʼ qalb il-jum kollu?” (Salm 13:2) X’għen lil David ikampa? Hu ferraʼ qalbu quddiem Alla fit-talb, u fada bis-sħiħ fl-imħabba leali taʼ Alla. (Salm 13:5; 62:8) Fil-fatt, Alla jistidinna biex niftħu qalbna miegħu. ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuq [Alla], għax hu jimpurtah minnkom,’ jgħid l-1 Pietru 5:7.

Li nagħmlu xi ħaġa għal dawk li nħobbu jistaʼ jnaqqsilna l-ansjetà dwarhom

Madankollu, spiss nistgħu ntaffu l-ansjetajiet billi nittrattaw magħhom b’mod prattiku. Pereżempju, meta Pawlu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, ħass “ansjetà għall-kongregazzjonijiet kollha,” hu ħadem ħafna biex ifarraġ u jinkuraġġixxi lil dawk li kien konċernat dwarhom. (2 Korintin 11:28) F’dan ir-rigward, l-ansjetà tiegħu kienet taʼ vantaġġ, għax qanqlitu jagħti għajnuna bżonjuża. L-istess jistaʼ jiġri lilna. L-attitudni opposta—apatija jew indifferenza—kieku tindika li m’aħniex konċernati biżżejjed.—Proverbji 17:17.

“Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”Filippin 2:4.

 X’tistaʼ tagħmel jekk tħossok ansjuż iżżejjed?

IR-REALTÀ

In-nies jistgħu jkunu ansjużi dwar l-iżbalji tal-passat, dwar il-futur, jew il-flus. *

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

It-tħassib dwar żbalji tal-passat: Qabel ma saru Kristjani, xi wħud fl-ewwel seklu kienu sakranazzi, imbroljuni, immorali sesswalment u ħallelin. (1 Korintin 6:9-11) Minflok ma qagħdu jaħsbu fuq il-passat tagħhom, huma bidlu mogħdijiethom u fdaw fil-ħniena kbira taʼ Alla, li hu lest li juri. “Għandek [Alla] hemm il-maħfra vera, sabiex ikun hemm il-biżaʼ tiegħek,” jgħid Salm 130:4.

Inċertezza dwar l-għada: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada,” qal Ġesù Kristu, “għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.” (Mattew 6:25, 34) X’inhu l-punt? Iffoka fuq il-problemi tal-lum. Tkabbarhomx billi llum taħseb fuq il-problemi taʼ għada, għax dan jistaʼ jċajparlek il-ħsieb u jwasslek għal deċiżjonijiet mgħaġġlin. Ukoll, żomm f’moħħok li iktar tard se tinduna li ħafna ansjetajiet kienu bla bżonn.

It-tħassib dwar il-flus: Raġel għaref darba talab: “Tagħtinix faqar u lanqas rikkezzi.” (Proverbji 30:8) Minflok, hu ra li jkun kuntent—sentiment li jistħoqqlu l-approvazzjoni taʼ Alla. F’Ebrej 13:5, naqraw: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’” B’kuntrarju għall-flus, li jistgħu jfallu, u ħafna drabi hekk jiġri, Alla qatt ma jonqos lil dawk li jafdawh u li jgħixu ħajja sempliċi.

“Qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-ħobż.”Salm 37:25.

Qatt se ninħelsu mill-ansjetà?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

“Qed ngħixu f’era ġdida taʼ ansjetà,” qalet il-ġurnalista Harriet Green f’artiklu tal-gazzetta The Guardian fl-2008. Fl-2014, Patrick O’Connor kiteb f’The Wall Street Journal li “l-Amerikani huma ansjużi iżjed minn qatt qabel.”

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“L-ansjetà f’qalb il-bniedem ittaqqalha, imma l-kelma t-tajba tferraħha.” (Proverbji 12:25) ‘Kelma tajba’ b’mod speċjali tistaʼ tinstab fl-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Din is-Saltna, gvern immexxi minn Alla, dalwaqt se tagħmel dak li aħna qatt ma nistgħu nagħmlu waħedna—neliminaw l-ansjetà kollha billi nneħħu l-kaġuni ewlenin, inkluż il-mard u l-mewt! ‘[Alla] jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.’—Rivelazzjoni 21:4.

“L-Alla li jagħti t-tama jimliekom b’kull ferħ u paċi talli temmnu.”Rumani 15:13.

^ par. 10 In-nies li jbatu minn diżordnijiet serji taʼ ansjetà jistgħu jkunu għaqlin f’li jikkonsultaw maʼ tabib. Stenbaħ! ma jirrikkmanda l-ebda terapija jew kura.