Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IT-TROBBIJA TAT-TFAL

Għin lil uliedek jgħaddu mill-pubertà

Għin lil uliedek jgħaddu mill-pubertà

L-ISFIDA

Qisu lbieraħ li żammejt it-tarbija tiegħek f’idejk. Issa quddiemek għandek lil xi ħadd li għadu ma sarx adoloxxent—għadu tifel, veru, imma wieħed li għandu mnejn dalwaqt se jaqbad it-triq li twassal biex isir adult u li tissejjaħ il-pubertà.

Kif tistaʼ tgħin lil ibnek jew bintek tgħaddi minn din il-bidla, li tistaʼ tkun trawmatika u tħawwadha fi triqitha għal maturità sesswali?

X’GĦANDEK TKUN TAF?

Il-pubertà tiġi meta trid hi. Tistaʼ tibda kmieni sa mill-età taʼ tmien snin jew sa tard f’nofs is-snin tal-adoloxxenza. “L-età taʼ pubertà normali tvarja,” jgħid il-ktieb Letting Go With Love and Confidence.

Il-pubertà tistaʼ ġġib l-inċertezza. L-adoloxxenti jistgħu jkunu sensittivi ħafna dwar l-impressjoni li jħallu fuq ħaddieħor. “Sirt konxju taʼ kif kont nidher u naġixxi,” jiftakar żagħżugħ jismu Jared. * “Meta kont inkun m’oħrajn, kont naħseb jekk jaħsbunix stramb.” In-nuqqas taʼ fiduċja jistaʼ jiżdied iżjed jekk tiżviluppa l-akne. “Ħassejtni bħallikieku wiċċi kien ġie attakkat!” tiftakar Kellie, taʼ 17-il sena. “Niftakarni nibki u ngħid li kont kerha.”

Min jibda l-pubertà kmieni jiffaċċja sfidi speċjali. Dan hu minnu partikularment fil-każ tat-tfajliet, peress li jistgħu jiġu mgħajrin meta jiżviluppaw is-sider. “Ukoll, qegħdin fir-riskju li jiġbdu l-attenzjoni taʼ subien ikbar li huma iżjed lesti biex jiksbu esperjenza sesswali,” jgħid il-ktieb A Parent’s Guide to the Teen Years.

Il-pubertà ma tfissirx maturità. “Il-bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel,” jgħid Proverbji 22:15. Il-pubertà ma tbiddilx dan. Żagħżugħ jistaʼ jidher li kiber, imma dan “ma jgħidlek xejn dwar l-abbiltà tiegħu li jieħu deċiżjonijiet intelliġenti, li jġib ruħu bir-responsabbiltà, li jeżerċita kontroll fuqu nnifsu, jew [li juri] maturità mod ieħor,” jgħid il-ktieb You and Your Adolescent.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Tkellem dwar il-pubertà qabel ma tibda. Ħalli t-tfal tiegħek ikunu jafu x’jistennew, speċjalment dwar mestrwazzjoni (għat-tfajliet) u tixrid (tas-semen) involontarju bil-lejl (għas-subien). Dawn l-affarijiet, differenti mill-bidliet gradwali tal-pubertà, jibdew f’daqqa u jistgħu jħawdu u anki jbeżżgħu lit-tfal. Waqt li tiddiskuti affarijiet bħal dawn, kun pożittiv—li l-pubertà tagħti bidu għal bidla taʼ benefiċċju li tipprepara lil dak li jkun biex isir adult.—Prinċipju Bibliku: Salm 139:14.

Spjega sew u kun ċar. “Meta l-ġenituri tiegħi għamluli ‘l-prietka,’ ipprovaw jaħarbu minnha,” jiftakar żagħżugħ jismu John. “Xtaqt li kienu iżjed ċari fi kliemhom.” Alana, taʼ 17-il sena, tħossha l-istess. “Ommi għenitni nifhem x’kien qed jiġri fiżikament,” hi tgħid, “imma xtaqt li għenitni nkampa aħjar emozzjonalment.” Il-lezzjoni? Skomdu kemm hu skomdu, tkellem maʼ wliedek dwar l-aspetti kollha tal-pubertà.—Prinċipju Bibliku: Atti 20:20.

Staqsi mistoqsijiet li jwasslu għal diskussjoni. Biex it-tfal iħossuhom komdi, ibda tkellem dwar l-esperjenzi li kellu ħaddieħor dwar il-pubertà. Pereżempju, tistaʼ tistaqsi lil bintek, “Hemm xi tfajliet mill-klassi tiegħek li bdew jitkellmu dwar il-pirjid?” “It-tfal iwaqqgħu għaċ-ċajt lit-tfajliet li jiżviluppaw kmieni?” Tistaʼ tistaqsi lil ibnek, “It-tfal jirridikolaw lil dawk li jdumu biex jiżviluppaw fiżikament?” Meta l-adoloxxenti jibdew jitkellmu dwar kif il-pubertà teffettwa lil oħrajn, jistaʼ jkun eħfef għalihom biex jiftħu qalbhom dwar is-sentimenti u l-esperjenzi tagħhom stess. Meta jagħmlu dan, segwi l-parir tal-Bibbja: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem.’—Ġakbu 1:19.

Għin lill-adoloxxent jiżviluppa ‘l-għaqal u l-abbiltà li jaħseb.’ (Proverbji 3:21) Il-pubertà ma tinkludix biss bidliet fiżiċi u emozzjonali. Matul dan l-istadju, l-adoloxxent tiegħek jiżviluppa wkoll abbiltajiet taʼ raġunar li se jgħinuh jieħu deċiżjonijiet tajbin la jikber. Ħu vantaġġ minn din l-opportunità biex trawwem valuri tajbin fl-adoloxxent tiegħek.—Prinċipju Bibliku: Ebrej 5:14.

Taqtax qalbek. Ħafna żgħażagħ donnhom iżommu lura milli jitkellmu mal-ġenituri tagħhom dwar il-pubertà, imma titqarraqx. Il-ktieb You and Your Adolescent jgħid: “L-adoloxxent li jippretendi li mhux interessat, imdejjaq, diżgustat, jew ma jridx jismaʼ jistaʼ jkun qed jimmemorizza kull kelma.”

^ par. 8 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.