Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-makaw blu u isfar. Tul: 85 ċentimetru

Il-makaw impressjonanti

Il-makaw impressjonanti

ILWIEN vivaċi jidhru jittajru fis-sema hekk kif qatgħa għasafar toħroġ mill-kenn tal-foresta! Din id-dehra mill-isbaħ impressjonat lill-esploraturi Ewropej li waslu fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel lejn tmiem is-seklu ħmistax. Dak li raw kienu l-makawi, pappagalli b’denb twil li jistgħu jinstabu fir-reġjuni tropikali tal-Amerika taʼ Fuq u t’Isfel. F’tebqa t’għajn, stampi taʼ dawn il-ħlejjaq spettakolari dehru fuq mapep tar-reġjun bħala simbolu tal-ġenna tal-art li kienet għadha kif instabet.

Kemm il-makawi rġiel kif ukoll in-nisa huma mżewqin bi lwien vivaċi, xi ħaġa stramba fost l-għasafar b’kuluri jgħajtu. Il-makawi huma wkoll għasafar intelliġenti u soċjali li għandhom għajjat qawwi u ħsejjes li jtarrxu. Fi qtajjaʼ taʼ xi 30-il waħda, huma jitilqu mill-post tal-mistrieħ tagħhom kmieni filgħodu biex ifittxu għaż-żerriegħa, frott tropikali, u ikel ieħor. Bħalma s-soltu jagħmlu l-pappagalli, spiss jużaw difrejhom biex jaqbdu l-ikel, li jigdmuh b’munqarhom kbir u milwi. Huma saħansitra kapaċi jkissru qoxra iebsa bħal dik tal-ġewż! Wara li jieklu, ġeneralment itiru fi qtajjaʼ lejn l-irdumijiet jew tul ix-xmajjar biex inaqqru t-tafal, li jistaʼ jgħin biex inaqqas l-effett tossiku mill-ikel tagħhom kif ukoll jipprovdilhom l-elementi kimiċi meħtiġin.

“Kulma għamel [Alla] għamlu sabiħ u f’waqtu.”—Ekkleżjasti 3:11

Normalment, il-makawi rġiel jibqgħu mal-istess sieħba għal ħajjithom kollha u jikkooperaw  bejniethom biex jieħdu ħsieb iż-żgħar tagħhom. Il-ħafna speċi jbejtu f’ħofor fiz-zkuk tas-siġar, f’toqob maġenb ix-xmajjar u f’kolonni tal-ħamrija magħmulin min-nemel abjad, jew fil-ħofor u x-xquq tal-irdumijiet, fejn il-makawi jistgħu jintlemħu jnaddfu lil xulxin. Għalkemm taʼ sitt xhur iż-żgħar tagħhom ikunu kibru għalkollox, huma jibqgħu mal-ġenituri tagħhom għal madwar tliet snin. Fl-ambjent naturali tagħhom, il-makawi jgħixu sa bejn 30 u 40 sena, imma xi wħud għexu iktar minn 60 sena magħluqin f’gaġġa. Hemm madwar 18-il speċi, xi ftit minnhom jidhru hawn.

Il-makaw bi ġwienaħ ħodor, li jissejjaħ ukoll il-makaw aħmar u aħdar. Tul: sa 95 ċentimetru

Il-makaw lewn l-iskarlat. Tul: 85 ċentimetru

Il-makaw lewn il-ġjaċint. Tul: sa 100 ċentimetru. Hu l-ikbar fost il-pappagalli kollha u jistaʼ jiżen iktar minn 1.3 kilo