Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KIF L-ISFIDA SE TINGĦELEB GĦALKOLLOX

Taħt is-Saltna t’Alla se jkun hemm “sliem kotran”

Taħt is-Saltna t’Alla se jkun hemm “sliem kotran”

Is-​Saltna t’Alla, jiġifieri gvern magħmul minn Alla, li ilna tant nistennew dalwaqt se ġġib paċi u unità fuq l-​art. Bħalma jwiegħed Salm 72:7 se jkun hawn “sliem kotran.” Imma s-​Saltna t’Alla meta se tibda tmexxi fuq l-​art kollha? Kif se tagħmel dan? U int kif tistaʼ tibbenefika mit-​tmexxija tas-​Saltna?

META SE TIĠI S-​SALTNA T’ALLA?

Il-​Bibbja bassret għadd taʼ ġrajjiet li jispikkaw li kienu se juru li s-​Saltna t’Alla ġejja dalwaqt. Dawn il-​ġrajjiet flimkien jagħmlu “sinjal” li jinkludi gwerer, ġuħ, mard, ħafna terremoti, u żieda fin-​nuqqas taʼ mħabba kullimkien.—Mattew 24:3, 7, 12; Luqa 21:11; Rivelazzjoni 6:2-8.

Profezija oħra tgħid: “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, . . . diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, . . . imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:1-4) Minn dejjem kien hemm xi nies li kellhom dawn il-​karatteristiki. Imma issa l-​biċċa l-​kbira tan-​nies huma hekk.

Dawn il-​profeziji bdew jitwettqu fis-​sena 1914. Infatti, storjografi, statisti, u kittieba kkummentaw dwar kif id-​dinja nbidlet minn wara dik is-​sena. Pereżempju, l-​istorjografu Daniż Peter Munch kiteb: “Meta faqqgħet il-​gwerra fl-​1914, seħħet bidla kbira fl-​istorja tal-​umanità. Qabel dik is-​sena, in-​nies ħasbu li l-​kundizzjonijiet tad-​dinja kienu qed isiru dejjem aħjar . . . imma mbagħad ġie żmien taʼ diżastru, terrur, mibegħda, u inċertezza kullimkien.”

Fuq nota pożittiva, dawn il-​kundizzjonijiet huma bħall-​maltemp qabel il-​bnazzi. Dawn juru li s-​Saltna dalwaqt se tmexxi fuq l-​art kollha. Infatti Ġesù inkluda din l-​istqarrija pożittiva fis-​sinjal li ta dwar it-​tmiem: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Din l-​aħbar tajba hi t-​tema ċentrali tal-​messaġġ tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Tabilħaqq, ir-​rivista prinċipali tax-​Xhieda hi intitolata It-​Torri tal-​Għassa Jħabbar is-​Saltna taʼ Ġeħova. It-​Torri tal-​Għassa jitkellem regolarment dwar l-​affarijiet meraviljużi li s-​Saltna t’Alla se tagħmel għall-​bnedmin u għall-​art, u issa hu disponibbli b’iktar minn 338 lingwa.

IS-​SALTNA T’ALLA KIF SE TIEĦU L-​KONTROLL?

It-​tweġiba tinvolvi dawn l-​erbaʼ fatti importanti:

  1. Is-​Saltna mhi se tuża l-​ebda mexxej politiku taʼ din id-​dinja.

  2. Il-​mexxejja politiċi tad-​dinja bi bluha se jiġġieldu kontra s-​Saltna t’Alla minħabba li se jipprovaw jibqgħu ggranfati mal-​poter.—Salm 2:2-​9.

  3. Is-​Saltna t’Alla se jkollha teqred is-​saltniet politiċi, li se jkunu jridu jkomplu jiddominaw lill-​bnedmin. (Danjel 2:44; Rivelazzjoni 19:17-​21) Din il-​ġlieda finali mad-​dinja tissejjaħ Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16.

  4. Dawk kollha li minn jeddhom se jissottomettu ruħhom għas-​Saltna t’Alla se jibqgħu ħajjin f’Armageddon u jgħixu f’dinja ġdida taʼ paċi. Dawn se jkunu dawk li l-​Bibbja ssejħilhom “folla kbira,” u x’aktarx din se tkun tikkonsisti f’miljuni.—Rivelazzjoni 7:9, 10, 13, 14.

 INT KIF TISTAʼ TIBBENEFIKA MIT-​TMEXXIJA TAS-​SALTNA?

L-​ewwel pass biex issir sudditu tas-​Saltna t’Alla hu t-​tagħlim. Infatti, Ġesù qal f’talba lil Alla: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Meta n-​nies isiru jafu lil Alla Ġeħova bħala Persuna, huma jibbenefikaw b’ħafna modi. Ikkunsidra biss tnejn: L-​ewwel, huma jiżviluppaw fidi b’saħħitha fih. Din il-​fidi, li hi bbażata fuq evidenza, tikkonvinċihom li s-​Saltna t’Alla hi reali u li dalwaqt se tmexxi. (Ebrej 11:1) It-​tieni, huma se jsiru jħobbu iktar lil Alla u lill-​proxxmu. L-​imħabba għal Alla se tqanqalhom jobduh b’qalb sħiħa. L-​imħabba għall-​proxxmu se tqanqalhom jagħmlu fil-​prattika l-​kliem taʼ Ġesù li spiss jissejjaħ ir-​Regola tad-​Deheb. Din tgħid: “Bħalma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-​istess lilhom.”—Luqa 6:31.

Bħal missier kollu mħabba, il-​Ħallieq tagħna jixtiqilna l-​aħjar. Hu jrid li aħna jkollna dak li l-​Bibbja ssejħilha “l-​ħajja vera.” (1 Timotju 6:19) Illum, il-​ħajja mhijiex “il-​ħajja vera.” Għal miljuni taʼ nies, il-​ħajja hi diffiċli ħafna u jridu jitħabtu biex jibqgħu ħajjin. Biex ikollok ħarsa fuq fuq tal-​“ħajja vera,” ikkunsidra ftit mill-​affarijiet meraviljużi li se tagħmel is-​Saltna t’Alla għas-​sudditi tagħha.

Taħt it-tmexxija tas-Saltna, in-nies se jħossuhom protetti u fis-sigurtà u se jkollhom ikel bl-abbundanza