KEMM-​IL DARBA SMAJT LI L-​FERĦ U S-​SUĊĊESS JITKEJLU B’KEMM DAK LI JKUN IKOLLU FLUS U ĠID MATERJALI? Minħabba li miljuni taʼ nies huma taʼ din l-​opinjoni, huma jispiċċaw jaħdmu ħinijiet twal u esaġerati biex jaqilgħu aktar flus. Imma l-​flus u l-​affarijiet materjali, iġibu ferħ dejjiemi? L-​evidenza x’turi?

Skont il-​Journal of Happiness Studies, ladarba nissodisfaw il-​bżonnijiet bażiċi tagħna, li jkollna aktar flus mhux se jwassal biex inħossuna aktar ferħanin jew aħjar. Il-​problema mhix il-​flus. Huwa “l-​ġiri wara [l-​flus] li hu assoċjat mad-​dwejjaq,” jgħid artiklu fir-​rivista Monitor on Psychology. Dan il-​kliem jixbah ħafna l-​parir li nkiteb fil-​Bibbja kważi elfejn sena ilu: “L-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara u, billi rawmu din l-​imħabba, xi wħud . . . ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.” (1 Timotju 6:9, 10) Dawn il-​weġgħat x’jistgħu jkunu?

INKWIET U NUQQAS TAʼ RQAD GĦAX TKUN TRID TIPPROTEĠI L-​ĠID. “Il-​qaddej jiġih ħelu l-​irqad, sew jekk jiekol ftit u sew jekk jiekol ħafna; imma l-​abbundanza taʼ l-​għani mhix qed tħallih jorqod.”—Ekkleżjasti 5:12.

ID-​DIŻAPPUNT GĦAX MA TIKSIBX IL-​FERĦ LI ĦSIBT LI SE JKOLLOK. Sa ċertu punt, dan id-​diżappunt hu minħabba li l-​kilba għall-​flus ma tistax tiġi sodisfata. “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul.” (Ekkleżjasti 5:10) Ukoll, il-​kilba għall-​ġid tistaʼ twassal lil xi ħadd biex jittraskura affarijiet importanti li jagħmluh ferħan, bħalma hu l-​ħin prezzjuż li jqattaʼ mal-​familja u l-​ħbieb jew f’attivitajiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-​qima t’Alla.

NIKET U FRUSTRAZZJONI META L-​FLUS JEW L-​INVESTIMENT JITLEF IL-​VALUR JEW IFALLI. “Titħabatx biex tikseb l-​għana. Toqgħodx iżjed fuq fehmtek. Tfajt għajnejk fuqu, meta m’hu xejn? Għax bla dubju jrabbi l-​ġwienaħ bħal dawk t’ajkla u jtir lejn is-​smewwiet.”—Proverbji 23:4, 5.

 KWALITAJIET LI JIPPROMWOVU L-​FERĦ

IL-​KUNTENTIZZA. “Ma ġibna xejn magħna fid-​dinja, u ma nistgħu nieħdu xejn. Għalhekk, la għandna x’nieklu u biex nitgħattew, għandna nkunu kuntenti b’dawn l-​affarijiet.” (1 Timotju 6:7, 8) In-​nies li jikkuntentaw b’li għandhom normalment ma jgergrux jew jilmentaw, u din l-​attitudni tgħinhom biex ma jgħirux. Ukoll, minħabba l-​fatt li ma jkunux jixtiequ affarijiet materjali aktar milli jistgħu jaffordjaw, jevitaw ansjetà u stress bla bżonn.

IL-​ĠENEROŻITÀ. “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Nies ġenerużi jkunu ferħanin għax jieħdu pjaċir iferrħu lil ħaddieħor, anke jekk kulma jistgħu jagħtu huwa ftit mill-​ħin u l-​enerġija tagħhom. Ħafna drabi, dawn jirċievu b’abbundanza dak li ma jistax jinxtara bil-​flus—l-​imħabba, ir-​rispett, u ħbieb ġenwini. Dawn il-​ħbieb min-​naħa tagħhom jagħtu lura b’mod ġeneruż!—Luqa 6:38.

LI TPOĠĠI N-​NIES QABEL L-​AFFARIJIET MATERJALI. “Aħjar platt ħaxix fejn hemm l-​imħabba milli barri msemmen bil-​mibegħda miegħu.” (Proverbji 15:17) X’inhu l-​punt? Relazzjonijiet taʼ mħabba maʼ oħrajn huma iktar taʼ valur minn rikkezzi materjali. U l-​imħabba, bħalma se naraw aktar ’il quddiem, hija vitali biex inkunu ferħanin.

Sabina, mara li tgħix fl-​Amerika t’Isfel, tgħallmet kemm jiswew il-​prinċipji Bibliċi. Meta telaqha r-​raġel u ħalliha b’żewġt itfal, Sabina sabitha diffiċli tlaħħaq mal-​ħajja taʼ kuljum. Kellha tagħmel żewġ xogħlijiet u kuljum kien ikollha tqum fl–4:00 taʼ filgħodu. Minkejja r-​rutina diffiċli li kellha, Sabina ddeċidiet li tistudja l-​Bibbja. X’kien ir-​riżultat?

Is-​sitwazzjoni ekonomika tagħha prattikament baqgħet l-​istess. Imma l-​ħarsa tagħha lejn il-​ħajja tjiebet drastikament! Pereżempju, hi kisbet il-​ferħ għax issodisfat il-​bżonn spiritwali tagħha. (Mattew 5:3) Sabet ħbieb taʼ vera minn fost dawk tal-​istess twemmin. Ukoll, esperjenzat il-​ferħ li jiġi meta tagħti, għax bdiet taqsam maʼ oħrajn dak li kienet tgħallmet.

“L-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu,” tgħid il-​Bibbja. (Mattew 11:19) Fi qbil maʼ dan, jekk tkun kuntent b’dak li għandek, tkun ġeneruż, kif ukoll tpoġġi n-​nies qabel l-​affarijiet materjali, maż-​żmien se tinduna li dawn huma l-​affarijiet li għandek tagħmel!