Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-FERĦ VERU

Skop fil-ħajja

Skop fil-ħajja

IL-​BNEDMIN HUMA UNIĊI F’ĦAFNA MODI—AĦNA NIKTBU, INPINĠU, NIVVINTAW AFFARIJIET, U NAĦSBU DWAR MISTOQSIJIET IMPORTANTI TAL-​ĦAJJA BĦAL: Għala jeżisti l-​univers? Kif ġejna hawn? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja? X’hemm jistenniena fil-​futur?

Xi nies jevitaw li jsaqsu dawn il-​mistoqsijiet għax jaħsbu li hu diffiċli wisq biex ikollok tweġiba. Oħrajn jgħidu li għal xejn issaqsi mistoqsijiet bħal dawn għax il-​ħajja hi riżultat tal-​evoluzzjoni. “Ma jeżisti ebda alla u ebda skop,” sostna William Provine, professur tal-​istorja u l-​bijoloġija. Hu kompla jgħid: “M’hemmx bażi fundamentali għall-​etika u lanqas bażi għal skop fil-​ħajja.”

Imma xi nies ma jaċċettawx din il-​ħarsa. Huma jaraw univers immexxi minn liġijiet xjentifiċi preċiżi u disinjati tajjeb ħafna. Huma jibqgħu mgħaġġbin meta jaraw id-​disinji impressjonanti tan-​natura. Fil-​fatt, il-​bniedem jipprova jimitahom fl-​affarijiet li jagħmel. U fil-​ħajja taʼ kuljum jaraw disinji elaborati fil-​ħolqien li jindikaw li ġejjin minn disinjatur intelliġenti, u mhux minn xi forzi bla gwida.

Raġunar bħal dan qanqal lil xi wħud li kienu jemmnu bl-​evoluzzjoni biex jerġgħu jikkunsidraw il-​ħarsa tagħhom. Innota ż-​żewġ eżempji li ġejjin.

IN-​NEWROKIRURGU DR. ALEXEI MARNOV. “L-​iskejjel li attendejt kienu jgħallmu l-​ateiżmu u l-​evoluzzjoni,” jgħid hu. “Kull min kien jemmen f’Alla kien jiġi kkunsidrat li ma jafx il-​fatti.” Madankollu, fl-​1990, hu beda jaħsibha b’mod differenti.

“Jien dejjem kont nipprova nifhem ir-​raġunar loġiku tal-​affarijiet, inkluż tal-​moħħ uman,” jispjega hu. “Dan l-​organu tal-​għaġeb bix-​xieraq ġie msejjaħ l-​iktar struttura komplessa fl-​univers li nafu. Imma ġie l-​moħħ disinjat biex jikseb l-​għarfien u xi abbiltajiet u mbagħad imut? Dan ma jagħmilx sens u mhuwiex raġunevoli. Allura bdejt naħseb: ‘Għala qegħdin hawn? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?’ Wara li ħsibt bis-​serjetà dwar dan, ikkonkludejt li żgur hemm Ħallieq.”

Alexei beda jeżamina l-​Bibbja meta beda jfittex x’inhu l-​iskop tal-​ħajja. Iktar tard, martu, li hija tabiba u li wkoll kienet atea, bdiet tistudja l-​Bibbja wkoll—għall-​ewwel biex turi lil żewġha li kien żbaljat! Iżda issa, it-​tnejn li huma ċerti li Alla jeżisti u jifhmu x’inhu l-​iskop tiegħu għall-​bniedem bħalma hu spjegat fl-​Iskrittura.

IX-​XJENTISTA DR. HUABI YIN. Huabi Yin studjat il-​fiżika, u għal ħafna snin, għamlet riċerka fuq ix-​xemx tagħna. “Kull meta aħna x-​xjentisti nistudjaw in-​natura,” tgħid Huabi, “dejjem naraw liġijiet preċiżi, u b’hekk kollox jimxi b’ordni liema bħalha. ‘Dawn il-​liġijiet kif bdew jeżistu?’ bdejt naħseb bejni u bejn ruħi. ‘Jekk anki sempliċi nar biex issajjar bih għandu jiġi kkontrollat sew, min hu responsabbli għal-​liġijiet li jikkontrollaw it-​temperatura tax-​xemx?’ Maż-​żmien, ikkonkludejt li l-​ewwel stqarrija tal-​Bibbja hi l-​iktar tweġiba loġika: ‘Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.’”—Ġenesi 1:1.

Żgur u mhux forsi, ix-​xjenza tefgħet dawl fuq ħafna mistoqsijiet bil-​“kif” bħal: Kif jaħdmu ċ-​ċelluli tal-​moħħ? U x-​xemx kif tipproduċi s-​sħana u d-​dawl? Imma bħalma skoprew Alexei u Huabi, il-​Bibbja twieġeb mistoqsijiet iktar importanti li jwieġbu “għala” bħal: Għala jeżisti l-​univers? Għala hu mmexxi minn liġijiet? U għala neżistu?

Rigward l-​art, il-​Bibbja tgħid: Alla “ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn,” imma “sawwarha biex tkun abitata.” (Isaija 45:18) Iva, Alla għandu skop għall-​art, u bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss, dan l-​iskop u t-​tama tagħna għall-​futur imorru id f’id.