Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

It-tbissima tiegħek—Tferraħ lilek u lil ħaddieħor!

It-tbissima tiegħek—Tferraħ lilek u lil ħaddieħor!

META xi ħadd jitbissimlek, x’tagħmel? Aktarx li titbissem lura. U probabbilment tħossok iktar ferħan ukoll. Iva, tbissim ġenwin—kemm jekk minn ħbieb u kemm jekk min-nies li ma tafx—jittieħed u jġiegħlek tħossok aħjar. Mara li jisimha Magdalena qalet: “Żewġi, Georg, kellu tbissima ħelwa. Meta għajnejna kienu jiltaqgħu, kont inħossni rilassata u fis-sigurtà.”

Tbissima sinċiera tindika emozzjonijiet pożittivi bħal gost, ferħ, u pjaċir. Fil-fatt, “it-tbissim . . . donnu hu parti minn kif aħna magħmulin,” jispjega artiklu fl-Observer, ġurnal fuq l-Internet tal-Association for Psychological Science. L-artiklu jgħid li anki t-trabi tat-twelid jistgħu “jinterpretaw espressjoni tal-wiċċ b’eżattezza kbira.” Jgħid ukoll: “In-nies mhux biss jifhmu informazzjoni utli minn tbissima, imma wkoll jużaw dan l-għarfien biex ikunu jafu kif għandhom iġibu ruħhom.”

Riċerkaturi mill-Università taʼ Harvard fl-Istati Uniti għamlu studju fuq grupp taʼ pazjenti anzjani u raw kif irreaġixxew l-anzjani għall-espressjoni tal-wiċċ taʼ dawk li kienu qed jieħdu ħsiebhom. Meta l-espressjoni taʼ wiċċ dawk li jieħdu ħsiebhom “kienet tagħti l-idea li huma dħulin, li jimpurtahom, li jagħtu kashom, u li jifhmuhom iktar,” qalu r-riċerkaturi, il-pazjenti  kienu jħossuhom iktar sodisfatti u l-benesseri fiżiku u mentali tagħhom kien imur għall-aħjar. Mill-banda l-oħra, il-pazjenti marru għall-agħar meta l-espressjoni taʼ wiċċ dawk li jieħdu ħsiebhom kienet turi li ma tantx kien jimpurtahom minnhom.

Meta titbissem jistaʼ jkun ukoll li tkun qed tagħmel pjaċir lilek innifsek. L-istudju juri li l-benefiċċji jinkludu li tkun iktar kunfidenti u ferħan u li tħossok inqas stressat. Għall-kuntrarju, li titkerrah għandu l-effett oppost.

IT-TBISSIM “KIEN IQAWWILI QALBI”

Magdalena, li ssemmiet qabel, kienet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Hi ntbagħtet maʼ membri oħra tal-familja tagħha fil-kamp tal-konċentrament taʼ Ravensbrück fil-Ġermanja talli rrifjutat li taċċetta t-twemmin Nazista. “Kultant il-gwardjani kienu jwaqqfuna milli nitkellmu maʼ priġunieri oħra,” tiftakar hi. “Imma ma kellhom ebda kontroll fuq l-espressjoni taʼ wiċċna. Is-sempliċi fatt li kont nara tbissima fuq wiċċ ommi u oħti kien iqawwili qalbi u kien isaħħaħli d-determinazzjoni tiegħi biex nibqaʼ nissaporti.”

Forsi tħoss li minħabba l-ansjetajiet tal-ħajja ma tantx għandek għalfejn titbissem. Però, ftakar li l-ħsibijiet normalment jiġu qabel is-sentimenti. (Proverbji 15:15; Filippin 4:8, 9) Allura hu kemm hu diffiċli, għax ma tipprovax taħseb fuq affarijiet pożittivi u pjaċevoli kull meta jkun possibbli? * Il-qari tal-Bibbja u t-talb għenu lil ħafna biex jagħmlu preċiż hekk. (Mattew 5:3; Filippin 4:6, 7) Fil-fatt, il-kliem “ferħ” u “hena” u kliem li ġej minnhom jidhru mijiet taʼ drabi fil-Bibbja! Għax ma taqrax paġna jew tnejn kuljum? Min jaf? Int ukoll għandu mnejn tibda titbissem iktar.

Barra minn hekk, tistenniex lil ħaddieħor biex jitbissimlek. Ħu l-inizjattiva u ferraħ ftit lil ħaddieħor. Iva, ikkunsidra t-tbissima tiegħek għal dak li hi verament—għotja minn Alla li ssebbaħ il-ħajja tiegħek u taʼ dawk li jarawha.

^ par. 8 Ara l-artiklu “Tinsab ‘f’Festa l-Ħin Kollu’?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Novembru 2013.