Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

Id-dipressjoni fost iż-żgħażagħ—Għala? X’jistaʼ jgħinhom?

Id-dipressjoni fost iż-żgħażagħ—Għala? X’jistaʼ jgħinhom?

“META nkun għaddejja minn dipressjoni,” tgħid Anna, * “ma jkolli aptit nagħmel xejn, lanqas l-affarijiet li normalment nieħu pjaċir nagħmilhom. Inkun irrid biss norqod. Spiss inħoss li m’iniex maħbuba, ma niswa għal xejn, u taʼ piż fuq oħrajn.”

“Jien kont naħseb dwar li nagħmel suwiċidju,” tiftakar Julia. “Mhux għax verament xtaqt immut. Xtaqt biss ma nibqax inħossni mdejqa. Normalment jien persuna li nħobb ngħin, imma meta nkun dipressa, minn xejn u minn ħadd ma jkun jimpurtani.”

Anna u Julia kellhom madwar 13 u 14-il sena meta bdew ibatu bid-dipressjoni. Filwaqt li xi żgħażagħ oħrajn kultant iħossuhom imdejqin, Anna u Julia kien ikollhom perijodi taʼ dipressjoni li kienu jibqgħu għaddejjin għal ġimgħat jew xhur sħaħ. “Tħossok bħallikieku qiegħda f’ħofra fonda u mudlama li ma tistax toħroġ minnha,” tgħid Anna. “Tħossok qed tiġġennen; ma tibqax il-persuna li kont.”

Is-sitwazzjoni taʼ Anna u Julia mhijiex rari. Id-dipressjoni fost iż-żgħażagħ tidher li qed tiżdied b’rata allarmanti, u d-dipressjoni hi “l-kawża prinċipali taʼ mard u diżabilità kemm fis-subien u kemm fil-bniet li għandhom bejn l-10 snin u 19-il sena,” tgħid l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 Is-sintomi tad-dipressjoni jistgħu jidhru matul it-tfulija u dawn jistgħu jinkludu problemi taʼ rqad, problemi bl-ikel, u bidla fil-piż. Jinkludu wkoll li dak li jkun iħossu ddisprat, bla tama, imdejjaq, u mhu tajjeb għal xejn. Ukoll jistaʼ jinqataʼ għalih waħdu, jaħseb dwar li jagħmel suwiċidju jew jipprova jagħmel dan, ikollu diffikultà biex jikkonċentra jew jiftakar, u jkollu sintomi mediċi mingħajr raġuni klinika. Meta l-professjonisti tas-saħħa mentali jaħsbu li xi ħadd ibati minn dipressjoni, dawn normalment jaraw jekk hemmx għadd taʼ sintomi li jibqgħu għaddejjin għal ġimgħat sħaħ u li jfixklu l-ħajja taʼ kuljum tal-individwu.

FATTURI LI JISTGĦU JIKKAĠUNAW ID-DIPRESSJONI FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħafna fatturi f’daqqa jistgħu jqabbdu d-dipressjoni. Dan jistaʼ jiġri minħabba l-mod kif wieħed jiġi trattat minn oħrajn, minn stress mentali, jew minn fatturi fiżiċi.

Fatturi fiżiċi. Bħalma kien fil-każ taʼ Julia, id-dipressjoni spiss tkun tintiret. Dan jissuġġerixxi li jistaʼ jkun hemm il-ġenetika involuta u li din forsi teffettwa xi kimika fil-moħħ. Fatturi fiżiċi riskjużi oħrajn jistgħu jinkludu mard tal-qalb u tibdil fil-livelli tal-ormoni, kif ukoll abbuż tad-drogi fuq tul taʼ żmien—li jistaʼ jagħmel id-dipressjoni agħar jew saħansitra jikkaġunaha. *

Stress. Filwaqt li ftit stress jistaʼ jkun tajjeb għas-saħħa, stress kroniku jew eċċessiv jistaʼ jkun taʼ ħsara fiżikament u psikoloġikament. Kultant dan jistaʼ saħansitra jqabbad dipressjoni liż-żgħażagħ li jkunu vulnerabbli minħabba l-ħafna tibdil fl-ormoni. Madankollu, il-kawżi eżatti li jqabbdu d-dipressjoni għadhom mhux ċari u jistgħu jinvolvu għadd taʼ fatturi f’daqqa, bħalma ssemma qabel.

Fatturi relatati mal-istress li huma konnessi mad-dipressjoni jistgħu jinkludu d-divorzju jew is-separazzjoni tal-ġenituri,  il-mewt taʼ xi ħadd għażiż, abbuż fiżiku jew sesswali, aċċident serju, mard, jew diffikultà biex dak li jkun jitgħallem xi ħaġa ġdida—speċjalment jekk iħossu mwarrab minħabba f’hekk. Fattur ieħor jistaʼ jkun li l-ġenituri jistennew wisq minn uliedhom, forsi f’dawk li huma miri skolastiċi. Kawżi possibbli oħrajn huma l-bullying, inċertezza dwar il-futur, firda emozzjonali minn ġenitur dipress, u li l-persuna ma tkunx taf kif se jaġixxu l-ġenituri. Jekk żagħżugħ taqbdu d-dipressjoni, x’jistaʼ jgħinu jkampa?

ĦU ĦSIEB MOĦĦOK U ĠISMEK

Dipressjoni u dipressjoni qawwija ġeneralment jiġu kkontrollati bil-mediċina u bl-għajnuna taʼ professjonisti tas-saħħa mentali. * Ġesù Kristu qal: “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva.” (Marku 2:17) U l-mard jistaʼ jeffettwa kwalunkwe parti taʼ ġisimna, inkluż moħħna! Peress li moħħna u ġisimna huma konnessi mill-qrib maʼ xulxin, jistaʼ jiġi rrikkmandat xi tibdil fil-mod kif ngħixu.

Jekk tbati minn dipressjoni, agħmel dak kollu li tistaʼ biex tieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tiegħek. Pereżempju, kul ikel bnin, orqod biżżejjed, u agħmel eżerċizzju b’mod regolari. L-eżerċizzju jipproduċi kimiċi li jistgħu jtejbu l-burdata tiegħek, jagħtuk iktar enerġija, u jgħinuk biex torqod aħjar. Jekk ikun possibbli, ipprova rrikonoxxi malajr kemm jistaʼ jkun xi jġiegħlek tkun dipress u ppjana bil-quddiem x’tistaʼ tagħmel. Iftaħ qalbek maʼ xi ħadd li tafda. Li jkollok membri tal-familja u ħbieb qrib tiegħek li jappoġġjawk jistaʼ jgħinek biex tkampa aħjar mad-dipressjoni, forsi b’hekk jonqsu s-sintomi. Ikteb dak li taħseb u tħoss fi djarju—prattika li Julia, li ssemmiet qabel,  sabitha t’għajnuna. Fuq kollox, kun ċert li tagħti kas il-bżonn spiritwali tiegħek. Dan jistaʼ jtejjeb bil-kbir il-mod kif tħares lejn il-ħajja. Ġesù Kristu qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.

Kul tajjeb, ibqaʼ attiv, orqod biżżejjed

Tistaʼ tikseb il-faraġ billi tissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħek

Kemm Anna kif ukoll Julia jikkonfermaw il-kliem taʼ Ġesù. Anna tgħid: “L-attivitajiet spiritwali jgħinuni niffoka fuq nies oħrajn, u mhux fuq il-problemi tiegħi biss. Dan mhux dejjem faċli, imma nħossni ħafna iktar ferħana minħabba f’hekk.” Julia ssib faraġ fit-talb u fil-qari tal-Bibbja. “Jikkalmani l-fatt li niftaħ qalbi m’Alla fit-talb,” tgħid hi. “U l-Bibbja tgħinni nara li jien prezzjuża f’għajnejn Alla u li hu verament jimpurtah minni. Il-qari tal-Bibbja jgħinni wkoll biex ikolli ħarsa pożittiva dwar il-futur.”

Bħala l-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova jifhem għalkollox kif aħna mrobbijin, l-esperjenzi tal-ħajja tagħna, u l-ġenetika li tistaʼ teffettwa l-emozzjonijiet tagħna u l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja. Għaldaqstant, hu jistaʼ jagħtina l-appoġġ u l-faraġ li jkollna bżonn u dan jistaʼ jagħmlu permezz taʼ nies li jagħdruna u jifhmuna. Iktar minn hekk, ġej iż-żmien meta Alla se jfejjaqna mill-mard kollu tagħna, kemm jekk hu fiżiku u kemm jekk hu mentali. Isaija 33:24 jgħid: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”

Iva, il-Bibbja twiegħed li Alla se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.’ (Rivelazzjoni 21:4) Kemm hu taʼ faraġ u rassiguranti dan il-kliem! Jekk tixtieq issir taf iktar dwar l-iskop t’Alla għall-bnedmin u l-art, jekk jogħġbok żur il-websajt jw.org. Hemmhekk se ssib Bibbjamill-aqwa, kif ukoll artikli dwar firxa wiesgħa taʼ suġġetti, inkluż id-dipressjoni.

^ par. 3 L-ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 10 Ħafna mard, mediċini, u drogi illegali jistgħu jeffettwaw il-burdata taʼ dak li jkun, u dan juri kemm hu importanti li d-dijanjosi medika tkun korretta.

^ par. 14 Stenbaħ! ma jirrikkmanda l-ebda kura jew terapija speċifika.