Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Din l-imħabba messitilna qalbna”

“Din l-imħabba messitilna qalbna”

IS-Sibt, 25 taʼ April 2015, terremot b’qawwa taʼ 7.8 fuq l-iskala Richter heżżeż lin-Nepal, pajjiż fil-parti l-kbira muntanjuż li jinsab fit-Tramuntana tal-Indja. Dan it-terremot seħħ madwar 80 kilometru lejn il-Majjistral tal-belt kapitali, Kathmandu. B’sogħba, mietu aktar minn 8,500 persuna, u b’hekk dan id-diżastru naturali kien l-aktar wieħed qerried li qatt kien hemm fl-istorja tan-Nepal. Inqerdu aktar min-nofs miljun dar. Hemm 2,200 Xhud taʼ Ġeħova jgħixu fin-Nepal, u l-maġġorparti minnhom kienu joqogħdu f’dik iż-żona milquta. B’dispjaċir, mietet Xhud u ż-żewġ uliedha.

“It-terremot ġara meta l-kongregazzjonijiet fiż-żona l-aktar milquta kienu għaddejjin bil-laqgħat tagħhom,” tgħid Michelle, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. “Li kieku t-terremot ġara meta ħafna wħud kienu d-dar, bla dubju d-diżgrazzja kienet tkun akbar.” X’inhi r-raġuni li dawk li attendew il-laqgħa ħelsuha? Il-mod kif kienet mibnija s-Sala tas-Saltna, il-post fejn jiltaqgħu, kien fattur importanti.

“ISSA QED NARAW IL-BENEFIĊĊJI!”

Is-Swali tas-Saltna li qed jinbdew fin-Nepal huma ddisinjati biex jifilħu għat-terremoti. Man Bahadur, li hu involut fil-kostruzzjoni tas-Swali tas-Saltna, jgħid: “Kemm-il darba staqsewna għaliex qed nagħmlu pedamenti daqshekk b’saħħithom għal bini relattivament żgħir. Issa qed naraw il-benefiċċji!” Wara t-terremot, is-Swali tas-Saltna ġew approvati biex jintużaw bħala postijiet fejn in-nies setgħu jistkennu fihom. Minkejja t-theżżiżiet li kien hemm wara, ix-Xhieda taʼ Ġeħova u l-ġirien tagħhom ħassewhom fis-sigurtà hemmhekk.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova u xi ġirien jistkennu fis-Swali tas-Saltna

Anzjani Kristjani, jiġifieri rġiel responsabbli, mill-ewwel bdew tfittxija għall-membri tal-kongregazzjoni li ma kinux jafu x’sar minnhom. “L-anzjani poġġew is-sigurtà tal-kongregazzjoni qabel tagħhom infushom,” qalet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova jisimha Babita. “Din l-imħabba messitilna qalbna.” L-għada tat-terremot, it-tliet membri tal-kumitat li jieħdu ħsieb ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova fin-Nepal, flimkien maʼ indokraturi li jivvjaġġaw, bdew iżuru l-kongregazzjonijiet biex jaraw x’inhuma l-bżonnijiet u jagħtu appoġġ lill-anzjani lokali.

Gary Breaux, mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova, żar il-vittmi tat-terremot

Sitt ijiem wara t-terremot, Gary Breaux, mill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Istati Uniti, żar in-Nepal flimkien mal-mara tiegħu, Ruby. “Minħabba l-konfużjoni li kien hemm fil-belt taʼ Kathmandu, kif ukoll minħabba t-theżżiżiet kontinwi taʼ wara,” jistqarr Reuben, membru tal-kumitat li ssemma qabel, “ma konniex ċerti jekk Ħuna Breaux kienx se jirnexxilu jiġi. Imma hu kien determinat li jiġi—u hekk għamel! Ix-Xhieda taʼ Ġeħova lokali apprezzaw ħafna ż-żjara tiegħu.”

‘INĦOSSUNA EQREB TAʼ XULXIN IKTAR MINN QATT QABEL’

Silas, li jaħdem fl-uffiċċju tax-Xhieda Ġeħova fin-Nepal, qal: “Malli s-servizz tat-telefown reġaʼ beda jaħdem, it-telefown ma qatax iċempel! Xhieda sħabna minn madwar id-dinja kienu inkwetati fuqna. Għalkemm xi wħud kienu jitkellmu b’lingwa li ma stajniex nifhmu, ħassejna l-imħabba u x-xewqa tagħhom li jgħinuna.”

Team mediku taʼ Xhieda mill-Ewropa jassistu l-vittmi

 Għal diversi ġranet wara t-terremot, Xhieda lokali ġabu ikel fis-Swali tas-Saltna biex jaqsmuh maʼ dawk fil-bżonn. Ukoll, ġie fformat Kumitat għall-Għajnuna fid-Diżastri u mill-ewwel bdew jaslu ħafna provvisti, b’mod partikulari mill-Bangladesh, mill-Indja, u mill-Ġappun. Fi ftit ġranet, wasal staff mediku mill-Ewropa. Dawn ix-Xhieda stabbilew il-bażi tagħhom f’waħda mis-Swali tas-Saltna u qabdu jaħdmu immedjatament. Huma ma ħadux ħsieb biss is-saħħa fiżika tal-vittmi tat-terremot imma wkoll għenuhom ikampaw mat-trawma emozzjonali.

Mara jisimha Uttara esprimiet kif ħassewhom ħafna meta qalet: “It-terremot kien orribbli u tal-biżaʼ. Imma wara, ħassejna li sirna eqreb tal-familja spiritwali tagħna iktar minn qatt qabel.” Iva, it-terremot ma dgħajjifx l-imħabba li n-nies taʼ Ġeħova għandhom lejh u lejn xulxin. Minflok, din l-imħabba ssaħħet.