Kull sena, iktar minn ħamsin miljun tarbija fil-ġuf tintemmilhom ħajjithom permezz t’abort—ammont li hu akbar mill-popolazzjoni taʼ ħafna pajjiżi.

Hija għażla personali jew kwistjoni morali?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

In-nisa jagħmlu abort minħabba raġunijiet differenti. Fost ir-raġunijiet hemm problemi ekonomiċi, problemi maʼ tal-familja, ix-xewqa li jkollhom iktar libertà biex ikunu jistgħu jistudjaw jew biex ikollhom karriera, jew ma jkunux iridu jrabbu t-tarbija waħedhom. Madankollu, oħrajn jikkunsidraw l-abort bħala xi ħaġa ħażina moralment—abbuż mill-fiduċja li tingħata lil mara tqila.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

F’għajnejn Alla, il-ħajja—b’mod partikulari l-ħajja tal-bniedem—hi sagra. (Ġenesi 9:6; Salm 36:9) Dan il-prinċipju japplika għal tarbija li tikber fil-ġuf, li Alla ddisinjah biex ikun post taʼ protezzjoni għat-tarbija li tkun qed tiżviluppa. “Int żammejtni mistur f’żaqq ommi,” qal kittieb Bibliku. Hu żied jgħid: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati.”—Salm 139:13, 16.

Il-ħarsa t’Alla dwar il-ħajja taʼ tarbija fil-ġuf tinsab ukoll fil-Liġi li hu ta lill-ġens tal-Iżrael u fil-kuxjenza li tana. Il-Liġi t’Alla kienet tgħid li individwu li jattakka mara tqila u joqtol lit-tarbija f’ġufha kellu jingħata l-piena tal-mewt—il-qattiel kellu jħallas ħajja b’ħajja. (Eżodu 21:22, 23) Ovvjament, l-imħallfin kellhom jikkunsidraw il-mottivi u ċ-ċirkustanzi.—Numri 35:22-24, 31.

In-nies għandhom ukoll kuxjenza. Meta mara tagħti kas il-kuxjenza, jew il-vuċi ġewwinija, tagħha billi tirrispetta l-ħajja tat-tarbija f’ġufha, il-kuxjenza tagħha ma tniggiżhiex. * Mill-banda l-oħra, jekk tinjoraha, tistaʼ mhux biss tniggiżha imma anki tikkundannaha. (Rumani 2:14, 15) Fil-fatt, ir-riċerka turi li n-nisa li jagħmlu abort ikollhom ukoll riskju akbar taʼ ansjetà u dipressjoni.

Imma xi ngħidu jekk li trabbi tarbija jidher diffiċli wisq, speċjalment jekk it-tqala ma tkunx ippjanata? Innota l-wegħda assiguranti li Alla wiegħed lil dawk li jgħixu mal-livelli tiegħu: “Ma’ min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb, maʼ min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija.” (Salm 18:26, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Naqraw ukoll: “Ġeħova jħobb il-ġustizzja, u lil-leali tiegħu ma jitlaqhomx.”—Salm 37:28.

“Il-kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom u, fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.”Rumani 2:15.

 Xi ngħidu jekk għamilt abort?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ruth, omm waħedha, qalet: “Diġà kelli tlett itfal żgħar u ħassejt li ma stajtx nieħu ħsieb erbgħa. Madankollu, wara li għamilt abort, ħassejt li kont għamilt xi ħaġa orribbli.” * Imma għamlet hi xi ħaġa li Alla ma jistax jaħfer?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Ġesù Kristu kellu l-istess ħsieb t’Alla meta qal: “Ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa imma lill-midinbin għall-indiema.” (Luqa 5:32) Iva, meta verament jiddispjaċina għal dnub li nkunu għamilna u nindmu, u nitolbu ’l Alla biex jaħfrilna, hu jagħmel dan minn qalbu—anki jekk ikunu dnubiet serji. (Isaija 1:18) “Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex,” jgħid Salm 51:17.

Apparti kuxjenza nadifa, Alla lil dak li jindem jagħtih ukoll il-paċi tal-moħħ dment li jdur lejh bit-talb b’mod umli. “B’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom,” jgħid Filippin 4:6, 7. * Wara li Ruth studjat il-Bibbja u fetħet qalbha m’Alla, hi kisbet paċi ġewwinija. Hi tgħallmet li Alla għandu “l-maħfra vera.”—Salm 130:4.

[Alla] m’għamlilniex skond dnubietna; lanqas ġab fuqna dak li ħaqqna għall-iżbalji tagħna.”Salm 103:10.

^ par. 8 Il-fatt li jistaʼ jkun hemm riskju għas-saħħa tal-omm jew tat-tarbija mhijiex raġuni biex isir abort. Jekk waqt it-twelid taʼ tarbija l-koppja jkollha tagħżel bejn il-ħajja tal-omm u tat-tarbija, il-koppja għandha tiddeċiedi. Madankollu, f’ħafna pajjiżi żviluppati, il-mediċina tant għamlet progress li sitwazzjoni bħal din saret rari ħafna.

^ par. 12 L-isem ġie mibdul.

^ par. 14 It-tama tal-irxoxt tistaʼ tgħin ukoll biex dak li jkun ikollu l-paċi ġewwinija. Ara l-artiklu “Mistoqsijiet mill-qarrejja” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2009, li jiddiskuti prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu mal-possibbiltà li jkun hemm irxoxt taʼ trabi li jmutu fil-ġuf.