Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif turi rispett

Kif turi rispett

L-ISFIDA

Ir-raġel jgħid: “Meta żżewwiġna, jien u marti kellna opinjonijiet differenti dwar xi jfisser li turi rispett. Ma kienx hemm opinjoni tajba u oħra ħażina—kienu sempliċement differenti. Spiss kont inħoss li marti kien imissha turini iktar rispett bil-mod kif kienet tkellimni.”

Martu tgħid: “Parti mill-kultura li trabbejt fiha jien kienet tinkludi li nitkellmu ngħajtu, nużaw ħafna espressjonijiet tal-wiċċ, u naqbżu fin-nofs meta oħrajn ikunu qed jitkellmu. Ma konniex inqisu dan bħala nuqqas taʼ rispett. Imma din it-trobbija kienet totalment differenti minn dik li trabba fiha żewġi.”

Ir-rispett fiż-żwieġ mhuwiex kapriċċ, imma bżonn. Kif tistaʼ turi li tirrispetta l-persuna l-oħra fiż-żwieġ?

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

L-irġiel għandhom bżonn partikulari li jiġu rispettati. Il-Bibbja tgħid lill-irġiel miżżewġin: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.” Imma mbagħad iżżid tgħid: “Il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Filwaqt li kemm l-irġiel u kemm in-nisa għandhom bżonn li jħossuhom maħbubin u rispettati, l-irġiel jieħdu pjaċir b’mod speċjali bir-rispett. “L-irġiel għandhom bżonn iħossu li jistgħu jirranġaw sitwazzjonijiet, isolvu l-problemi, u jieħdu ħsieb il-familja,” jgħid raġel miżżewweġ jismu Carlos. * Meta mara tirrispetta lil żewġha għal dawn il-kapaċitajiet, ma jibbenefikax biss żewġha imma anki hi. “Infatti żewġi jurini iktar imħabba meta jien nirrispettah,” tgħid mara miżżewġa jisimha Corrine.

Naturalment, anki n-nisa għandhom bżonn ir-rispett. Dan jagħmel sens għax raġel ma jistax verament iħobb lil martu jekk ma jirrispettahiex. “Hemm bżonn li jien nirrispetta l-opinjonijiet u s-suġġerimenti taʼ marti,” jgħid Daniel. “Għandi bżonn ukoll nirrispetta l-emozzjonijiet tagħha. Il-fatt li ma nifhimx għala tħossha b’ċertu mod ma jfissirx li għandi ninjora kif tħossha.”

Mhux kulħadd iqis ir-rispett bl-istess mod. Il-kwistjoni mhix jekk taħsibx li qed turi rispett jew le, imma jekk ir-raġel jew il-mara tiegħek tħosshiex rispettata. Din hi lezzjoni li tgħallmet il-mara li ġiet kwotata fil-bidu taħt is-sottitlu “L-isfida.” “Għalkemm għalija ma kienx nuqqas taʼ rispett, jekk żewġi kien iħoss li mhux qed jiġi rispettat, allura jien kelli bżonn nagħmel bidla.”

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Ikteb tliet kwalitajiet li tammira fil-persuna l-oħra fiż-żwieġ. Dawn il-kwalitajiet jistgħu jkunu l-pedament fuqiex tibni r-rispett.

  • Għal ġimgħa, żomm nota tal-imġiba tiegħek (mhux tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek) fl-aspetti li ġejjin.

Il-kliem tiegħek. Stħarriġ wieħed dwar il-koppji sab li “l-miżżewġin li kienu fi żwieġ stabbli u hieni għamlu ħames kummenti pożittivi għal kull kumment negattiv meta kienu qed jiddiskutu n-nuqqas taʼ qbil. B’kuntrast, koppji li kienu mexjin lejn divorzju, kellhom inqas minn kumment pożittiv (0.8) għal kull kumment negattiv.” *Prinċipju tal-Bibbja: Proverbji 12:18.

Staqsi lilek innifsek: ‘Inkellem lil marti jew lil żewġi b’rispett? Kemm-il darba nikkritika meta nqabbel maʼ kemm-il darba nagħti kumpliment? Kif ikun it-ton taʼ leħni meta jkolli xi kumment jew ilment?’ Ir-raġel jew il-mara tiegħek taqbel mat-tweġibiet li tajt?—Prinċipju tal-Bibbja: Kolossin 3:13.

Ipprova dan: Agħmilha mira li mqar tagħti kumpliment wieħed kuljum lil martek jew lil żewġek. Suġġeriment: Erġaʼ aħseb fuq il-kwalitajiet li tammira li kont ktibt qabel. Ħudha drawwa li tgħid lis-sieħeb jew is-sieħba tiegħek x’tammira fiha.—Prinċipju tal-Bibbja: 1 Korintin 8:1.

L-azzjonijiet tiegħek. Mara jisimha Alicia tgħid: “Inqattaʼ ħafna ħin nagħmel ix-xogħol tad-dar, u meta żewġi jirrispetta l-isforzi li nagħmel billi jiġbor ħwejġu jew jaħsel il-platti, inħoss li l-isforzi tiegħi ma jkunux għalxejn u li jien importanti għaż-żwieġ tagħna.”

Staqsi lilek innifsek: ‘Il-mod kif nittratta r-raġel jew il-mara tiegħi juri b’mod ċar ir-rispett tiegħi? Nagħti biżżejjed ħin u attenzjoni lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ?’ Ir-raġel jew il-mara tiegħek taqbel mat-tweġibiet li tajt?

Ipprova dan: Ikteb tliet modi fejn int tixtieq li tiġi muri rispett. Qabbad lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ biex tagħmel l-istess. Imbagħad biddlu l-listi ħalli kull wieħed minnkom ikun jistaʼ jaħdem fuq li juri rispett fl-affarijiet speċifiċi li ktibtu. Iffoka fuq fejn int għandek bżonn turi rispett. Meta wieħed jieħu l-ewwel pass, x’aktarx li l-persuna l-oħra tagħmel l-istess.

^ par. 8 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

^ par. 14 Mill-ktieb Ten Lessons to Transform Your Marriage.