Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-MARD—KIF TISTAʼ TNAQQAS IR-RISKJU?

Ipproteġi lilek innifsek mill-mard

Ipproteġi lilek innifsek mill-mard

ĦAFNA bliet tal-qedem kienu protetti minn swar enormi. Li kieku għadu kellu jniffed parti żgħira mis-sur, is-sigurtà tal-belt kollha kienet tkun f’riskju. Ġismek hu bħal belt imdawra b’sur. Kif tipproteġi lilek innifsek għandu ħafna x’jaqsam maʼ kemm int f’saħħtek. Ikkunsidra ħames affarijiet li jistgħu jagħmluk vulnerabbli għall-mard u kif tistaʼ tiddefendi lilek innifsek bl-aħjar mod.

1 L-ILMA

IL-PERIKLU: Organiżmi li jagħmlu l-ħsara, bħal xi batterji, jistgħu jibqgħu deħlin f’ġismek permezz taʼ ilma ikkontaminat.

X’TISTAʼ TAGĦMEL: L-aqwa mod kif tistaʼ tiddefendi lilek innifsek hu billi tipproteġi l-ilma li tuża milli jiġi ikkontaminat. Jekk tkun taf li l-ilma tiegħek hu ikkontaminat jew għandek dubju dwar dan, tistaʼ tnaddaf l-ilma f’darek stess biex tkun ċert li hu tajjeb. * Żomm ilma tajjeb għax-xorb f’kontenitur magħluq, u ħu minnu b’mod iġjeniku permezz taʼ kuċċarun nadif jew vit. Qatt iddaħħal idejk minn fejn tieħu l-ilma nadif. Jekk possibbli, ipprova għix f’komunità fejn il-ħmieġ tal-bniedem jiġi mormi b’mod xieraq ħalli ma tikkontaminax is-sors tal-ilma lokali.

2 L-IKEL

IL-PERIKLU: L-organiżmi li jagħmlu l-ħsara jistgħu jkunu fl-ikel jew fuqu.

X’TISTAʼ TAGĦMEL: Ikel ikkontaminat jistaʼ jidher frisk u sustanzjuż. Allura ħudha drawwa li taħsel sew il-frott u l-ħaxix kollu. Kun ċert li l-affarijiet li tuża biex issajjar, fejn tipprepara l-ikel, u jdejk ikunu nodfa waqt li tipprepara jew isservi l-ikel. Xi ikel għandu bżonn li jissajjar f’ċerta temperatura sabiex jinqerdu mikrobi perikolużi. Oqgħod attent minn ikel li jkun tilef il-kulur jew li jkollu riħa jew togħma mhux pjaċevoli—sinjal ċar li jkun hemm ruxxmata taʼ mikro-organiżmi fl-ikel. Poġġi l-ikel li jifdal mill-ewwel fil-friġġ. Evita li tipprepara ikel għal ħaddieħor meta tkun marid. *

3 L-INSETTI

IL-PERIKLU: Xi insetti jistgħu jinfettawk bil-mikro-organiżmi li jgħixu ġo fihom.

 X’TISTAʼ TAGĦMEL: Evita l-insetti li jkollhom il-mard billi tibqaʼ d-dar meta jkunu attivi jew billi tilbes ilbies li jipproteġi, bħal kmiem twal u qliezet twal. Orqod taħt xbieki li jkollhom trattament kontra l-insetti u fuqek uża prodott li jkeċċi l-insetti. Neħħi reċipjenti li jkollhom ilma qiegħed fejn in-nemus jistaʼ jbid. *

4 L-ANNIMALI

IL-PERIKLU: Mikrobi li ma jagħmlux ħsara l-annimali jistgħu jpoġġu f’periklu s-saħħa tiegħek. Jekk jigdmek jew jigirfek pet jew annimal ieħor jew tkun viċin ħafna tal-ħmieġ tagħhom, jistaʼ jkun li tkun qed tirriskja saħħtek.

X’TISTAʼ TAGĦMEL: Xi nies jagħżlu li jżommu l-annimali tagħhom barra mid-dar biex jevitaw li jkunu ħdejhom iżżejjed. Aħsel idejk wara li tmiss annimal domestiku, u evita li tmiss annimali salvaġġi. Jekk tingidem jew tingiref minn annimal, aħsel il-ferita sew u kellem tabib. *

5 IN-NIES

IL-PERIKLU: Xi mikrobi jistgħu jinvadu lil ġismek minħabba xi ħadd li jisgħol jew jagħtas. Jistgħu jinfirxu wkoll meta tgħannaq jew tieħu b’idejn xi ħadd. Mikro-organiżmi minn nies oħra jistgħu jinħbew fuq affarijiet bħal xi ħabbata, poġġaman, remote control, jew skrin u keyboard tal-kompjuter.

X’TISTAʼ TAGĦMEL: Affarijiet personali bħal xfafar tal-leħja, toothbrushes, jew xugamani użahom int biss. Evita li tmiss likwidi li joħorġu mill-annimali jew min-nies, inkluż id-demm u affarijiet bi traċċi tad-demm. Ħu bis-serjetà l-benefiċċju li jiġi milli taħsel idejk sew u b’mod frekwenti. Għandu mnejn hu l-aktar mod effettiv biex twaqqaf l-infezzjoni milli tinfirex.

Jekk ikun possibbli, ibqaʼ d-dar meta tkun marid. Iċ-Ċentri tal-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard jirrikkmandaw li tisgħol jew tagħtas f’tissue jew f’komma, imma mhux f’idejk.

Proverbju tal-qedem jgħid: “Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Kemm hu minnu dan il-kliem illum li qed ngħixu f’dinja mimlija b’mard li jistaʼ jkun perikoluż! Allura informa ruħek billi tikkonsulta mas-servizzi tas-saħħa lokali, u pproteġi ruħek mill-periklu billi tapplika proċeduri sanitarji. Saħħaħ lilek innifsek, u b’hekk tnaqqas ir-riskju taʼ li timrad!

^ par. 6 L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrikkmanda diversi metodi biex il-kwalità tal-ilma fid-dar tkun aħjar. Pereżempju tistaʼ titfagħlu l-klorin, tiddiżinfettah bix-xemx, tiffiltrah, u tgħallih.

^ par. 9 Għal iktar informazzjoni, ara l-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Ġunju 2012 paġni 3-9.

^ par. 12 Għal modi speċifiċi kontra l-malarja, ara l-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju 2015 paġni 14-15.

^ par. 15 Jekk tiġi ferut minn ħlejjaq velenużi, normalment ikollok bżonn attenzjoni medika b’mod urġenti.