FI ŻMIENU, Desiderius Erasmus (ċ. 1469-1536) għall-ewwel kien imfaħħar bħala l-iktar studjuż brillanti tal-Ewropa, u mbagħad ġie deskritt bħala beżżiegħ jew bħala wieħed li jgħid l-ereżiji. Għalkemm mingħajr ma ried kien ġie involut f’dibattiti reliġjużi jaħarqu, hu ssogra jikxef in-nuqqasijiet u l-abbużi li kien hemm fil-Kattoliċiżmu kif ukoll fost dawk li kienu se jkunu riformisti. Illum, hu rikonoxxut bħala li kien minn taʼ quddiem f’li jbiddel ir-reliġjon fl-Ewropa. Kif għamel dan?

STUDJU U TWEMMIN

Erasmus kien jaf sew il-Grieg u l-Latin. B’hekk, hu setaʼ jqabbel it-traduzzjonijiet tal-Bibbja bil-Latin, bħall-Vulgata Latina, mal-manuskritti Griegi tal-bidu tal-Iskrittura Griega Kristjana, li hi magħrufa bħala t-Testment il-Ġdid. Hu sar konvint li l-għarfien tal-Bibbja kien vitali. Minħabba f’hekk, hu saħaq li l-Iskrittura Mqaddsa għandha tiġi tradotta f’lingwi oħra li kienu komuni fi żmienu.

Erasmus ippromwova riforma interna fil-Knisja Kattolika għax hu kien jemmen li l-Kristjanità għandha tkun mod taʼ ħajja, u mhux sempliċement li wieħed jieħu sehem f’ċerimonji bla sens. Minħabba f’hekk, meta r-riformaturi bdew jipprotestaw u riedu b’saħħa bidla fil-Knisja taʼ Ruma, il-Knisja bdiet tissuspetta fih.

Erasmus issogra jikxef in-nuqqasijiet u l-abbużi li kien hemm fil-Kattoliċiżmu u fost ir-riformisti

Fil-kitbiet tiegħu, Erasmus b’mod sarkastiku kixef l-abbużi tal-kleru, il-ħajja lussuża tagħhom, u l-ambizzjoni tal-papiet li kienu japprovaw il-gwerer. Hu assolutament ma kienx jaqbel mal-membri korrotti tal-kleru li kienu jappoġġjaw id-drawwiet tal-knisja biex jieħdu vantaġġ mill-kredenti. Drawwiet minnhom kienu l-qrar, il-qima tal-qaddisin, is-sawm, u l-pellegrinaġġi. Hu wkoll ma kienx jaqbel maʼ prattiki tal-knisja, bħall-bejgħ tal-indulġenzi u ċ-ċelibat sforzat.

 IT-TEST GRIEG TAT-TESTMENT IL-ĠDID

Fl-1516, Erasmus ippubblika l-ewwel edizzjoni tat-Testment il-Ġdid bil-Grieg—l-ewwel kopja stampata tal-Iskrittura Griega Kristjana li qatt ġiet ippubblikata. Ix-xogħol taʼ Erasmus kien jinkludi noti kif ukoll it-traduzzjoni tiegħu stess tal-Iskrittura Griega Kristjana bil-Latin, u din kienet differenti mill-Vulgata. Wara xi żmien, hu kompla jirrivedi l-verżjoni tiegħu, u dan wassal biex din it-traduzzjoni tkun saħansitra iktar differenti mit-test tal-Vulgata Latina.

It-Testment il-Ġdid bil-Grieg taʼ Erasmus

Waħda mid-differenzi kienet fl-1 Ġwanni 5:7. Biex jiġi appoġġjat it-tagħlim mhux Skritturali tat-Trinità, fil-Vulgata ġie miżjud xi kliem mhux ġenwin magħruf bħala comma Johanneum. Dan il-kliem hu: “Fis-sema, il-Missier, il-Kelma, u l-Ispirtu s-Santu: u dawn it-tlieta huma wieħed.” Madankollu, Erasmus ma inkludiex dan il-kliem fl-ewwel żewġ edizzjonijiet tiegħu tat-Testment il-Ġdid għax ma kien fl-ebda manuskritt Grieg li fittex fih. Iżda iktar tard, kellu pressjoni mill-knisja biex jinkludi dan il-kliem fit-tielet edizzjoni tiegħu.

Edizzjonijiet aħjar tat-Testment il-Ġdid bil-Grieg taʼ Erasmus kienu l-bażi għal traduzzjonijiet aħjar bil-lingwi Ewropej. Martin Luther, William Tyndale, Antonio Brucioli, u Francisco de Enzinas użaw l-edizzjonijiet tiegħu biex jittraduċu l-Iskrittura Griega bil-Ġermaniż, l-Ingliż, it-Taljan, u l-Ispanjol rispettivament.

Erasmus għex fi żmien taʼ taqlib reliġjuż sinifikanti, u t-Testment il-Ġdid bil-Grieg tiegħu kien ikkunsidrat bħala għodda imprezzabbli mir-Riformaturi Protestanti. Xi wħud kienu jqisu lil Erasmus bħala riformatur, sakemm fil-fatt bdiet ir-Riformazzjoni. Imbagħad hu rrifjuta li jżomm maʼ naħa jew oħra fid-dibattiti teoloġiċi li ġew wara. Taʼ interess, iktar minn 100 sena ilu, l-istudjuż David Schaff kiteb li Erasmus “miet waħdu, mingħajr ma kien imsieħeb maʼ ħadd. Il-Kattoliċi ma stqarrewx li kien wieħed minnhom; il-Protestanti ma setgħux.”