Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-clown fish—Ħut straordinarju

Il-clown fish—Ħut straordinarju

Clown fish oranġjo

FTIT hemm ħut li jiġbed l-attenzjoni tagħna bħalma jagħmel il-clown fish. Dan il-ħut forsi jogħġobna minħabba l-kuluri ħelwin tiegħu, li jista’ jfakkarna f’buffu taċ-ċirku. Jew forsi jimpressjonana minħabba fejn jagħżel li jagħmel id-dar tiegħu—fost it-tentakli li jniggżu tal-anemoni tal-baħar. Mhux taʼ b’xejn li isem ieħor taʼ dan il-ħut hu anemonefish.

Bħal ħafna atturi taʼ Hollywood, il-clown fish ma jiddejqux li jittiħdulhom ir-ritratti. Il-bugħaddasa normalment jistennew li l-clown fish “jippożawlhom” għar-ritratti, għax dawn rari jitbiegħdu mid-dar u ma tantx huma mistħijin.

Imma dak li hu straordinarju rigward dan il-ħut hu l-ħajja riskjuża li donnu jgħix. Li tgħix fost it-tentakli velenużi jistaʼ jitqabbel maʼ li tagħmel dar f’bejta tas-sriep. Xorta waħda, il-clown fish u l-anemoni li l-clown fish jagħżel li jgħix fihom ma joqogħdux mingħajr xulxin. X’jagħmel lil din is-sħubija stramba possibbli u taʼ suċċess?

‘MA NISTAX NGĦIX MINGĦAJREK’

Clown fish b’żewġ strixxi

Bħal kull sħubija tajba, il-clown fish u l-anemoni jgħinu lil xulxin. Ir-relazzjoni  hija vitali għall-clown fish—mhux biss konvenjenza. Bijologi tal-baħar ikkonfermaw li l-clown fish ma jistgħux jgħixu fis-salvaġġ mingħajr ma jkollhom anemoni li jilqgħuhom. Huma mhumiex għawwiema mill-aqwa u mingħajr il-protezzjoni tal-anemoni jispiċċaw jittieklu mill-predaturi. Però, billi jużaw l-anemoni bħala bażi fejn joqogħdu u post taʼ sigurtà meta jkunu mhedda, il-clown fish jistgħu jgħixu sa għaxar snin.

Minbarra li jipprovdu dar għall-clown fish, l-anemoni jipprovdulhom ukoll post fejn ibejtu. Il-clown fish ipoġġu l-bajd tagħhom fil-bażi tal-anemoni li jgħixu fihom u ż-żewġ ġenituri jżommu sebaʼ għajnejn fuq il-bajd. Xi żmien wara, tkun tistaʼ tara l-familja tal-clown fish tgħum madwar l-istess anemoni.

L-anemoni x’takkwista minn din ir-relazzjoni? Il-clown fish iservu bħala gwardjani tal-baħar billi jkeċċu l-butterfly fish li tħobb tiekol it-tentakli tal-anemoni. Minn tal-inqas speċi waħda tal-anemoni ma tibqax ħajja jekk ma jkollhiex clown fish li tgħix fiha. Meta xi riċerkaturi neħħew il-clown fish, fi żmien 24 siegħa biss, l-anemoni kienet sparixxiet kompletament. Milli jidher, kien kielha kollha l-butterfly fish.

Jidher li l-clown fish jipprovdu wkoll enerġija lill-anemoni li jgħixu fihom. L-ammonju li jarmu l-clown fish jgħin biex l-anemoni jikbru. U hekk kif il-clown fish jgħumu fost it-tentakli, jgħinu biex ikun hemm iktar ossiġnu fl-ilma jiċċirkola madwar l-anemoni.

IMORRU FEJN OĦRAJN JIBŻGĦU JGĦUMU

Clown fish roża

Il-protezzjoni tal-clown fish qiegħda fuq il-ġilda tagħhom. Fuq il-ġilda għandhom tip taʼ likwidu li permezz tiegħu ma jkunux jistgħu jiġu mniggżin. Milli jidher, grazzi għal dan il-likwidu maʼ ġisimhom, l-anemoni jikkunsidraw il-clown fish bħala anemoni oħra.

Xi studji jindikaw li meta l-clown fish jagħżlu anemoni ġdida fejn joqogħdu, jgħaddu minn proċess biex jaddattaw ruħhom. Ġie osservat li meta l-ħut jersaq lejn anemoni għall-ewwel darba, jagħmel ftit sigħat imissha kultant ħin. Milli jidher, dan il-kuntatt jippermetti lill-clown fish jadattaw il-ġilda tagħhom biex jipproteġu ruħhom mill-velenu partikulari tal-anemoni l-ġdida. Jistaʼ jkun li l-clown fish jitniggżu xi ftit matul dan il-proċess. Imma wara dan, isiru qishom ħobż u sikkina.

Il-fatt li ħlejjaq tant differenti jaħdmu id f’id jagħtina tagħlima affaxxinanti dwar kif nistgħu naħdmu flimkien. Fil-ħafna sforzi tal-bnedmin biex iwettqu xi ħaġa, nies minn kulturi u trobbija differenti jiksbu riżultati rimarkevoli meta jagħtu mir-riżorsi tagħhom. Bħall-clown fish, jaf nieħdu ftit tal-ħin biex naddattaw ruħna biex naħdmu m’oħrajn, imma r-riżultati jkunu worth it.