Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Il-puntwalità

Il-puntwalità

Anke dawk li ħafna drabi jaslu tard jammettu li huwa tajjeb li tkun puntwali. Il-Bibbja fiha għerf prattiku li għandu x’jaqsam maʼ dan is-suġġett.

Kemm hu importanti li tkun puntwali?

GĦALA HU IMPORTANTI

Xi wħud sabu li meta jaslu għal xi appuntament daqsxejn qabel, inaqqsu l-istress. Il-puntwalità ttejjeb ukoll ir-reputazzjoni tal-individwu. B’liema mod?

Li tkun puntwali juri li int kompetenti. Meta tasal fil-ħin, tkun qed turi li qed tipprova żżomm kontroll fuq ħajtek minflok ma tħalli ċ-ċirkustanzi jżommuk lura milli tagħmel l-affarijiet li tkun xtaqt tagħmel.

Li tkun puntwali juri li int persuna taʼ min jorbot fuqha. F’soċjetà fejn spiss il-wegħdi u l-impenji ma jinżammux, in-nies japprezzaw lil dawk li jżommu kelmithom. Nies li tistaʼ torbot fuqhom jiġu rispettati mill-ħbieb u mill-familja. Min jimpjega japprezza lil dawk li jaslu x-xogħol fil-ħin u jlestu fil-ħin. Ħaddiema li tistaʼ torbot fuqhom jistgħu saħansitra jiġu mogħtijin iżjed paga u jkunu fdati aktar.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Hemm siltiet fil-Bibbja li għandhom x’jaqsmu mal-puntwalità. Pereżempju, il-Bibbja tgħid: “Ħa jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni.” (1 Korintin 14:40) Meta tnejn jiftiehmu li jiltaqgħu f’post u f’ħin speċifiku, ikun sewwa u xieraq li t-tnejn li huma jkunu puntwali. Il-Bibbja tgħid ukoll: “Hemm żmien stabbilit; iva, kull ħaġa taħt is-smewwiet għandha waqtha.” (Ekkleżjasti 3:1) Il-kuntest taʼ dan il-vers jgħid li hemm “żmien li tħawwel u żmien li taqlaʼ l-imħawwel.” (Ekkleżjasti 3:2) Il-bdiewa jiżirgħu kollox fi żmienu biex jaħsdu l-aħjar prodott possibbli. Fi kliem ieħor, il-puntwalità tal-bidwi tipproduċi riżultati tajbin.

Il-Bibbja turi saħansitra raġuni iktar valida għalfejn għandna nkunu puntwali: Tkun qed turi rispett lejn oħrajn u l-ħin prezzjuż tagħhom. (Filippin 2:3, 4) B’kuntrast, dawk li dejjem iħallu lil ħaddieħor jistenna jkunu daqslikieku qegħdin jisirqulhom mill-ħin tagħhom.

“Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”Filippin 2:4.

 X’tistaʼ tagħmel biex tkun puntwali?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja tinkuraġġik biex tippjana bil-quddiem. (Proverbji 21:5) Jekk tirrealizza li int dejjem tard għall-appuntamenti, forsi l-iskeda tiegħek hi mimlija wisq. Għaliex ma tnaqqasx attivitajiet li mhumiex essenzjali u li jaħlulek il-ħin? Ħalli iktar ħin bejn appuntament u ieħor, u ppjana li tasal qabel. Dan se jħallilek aktar ħin għal dak li jistaʼ jinqalaʼ, bħal pereżempju jekk tinqabad fit-traffiku jew fil-maltemp.

Il-Bibbja tinkuraġġixxi wkoll il-modestja. (Proverbji 11:2) Dan ifisser li tkun taf sa fejn tistaʼ tasal. Qabel ma tagħmel appuntament jew taċċetta biċċa xogħol, kun ċert li għandek biżżejjed ħin fl-iskeda tiegħek. Jekk tippjana li tagħmel aktar milli tiflaħ, se żżid l-istress u l-frustrazzjoni—tiegħek u taʼ ħaddieħor!

Il-Bibbja tkompli tgħidilna biex nagħmlu l-aħjar użu mill-ħin tagħna. (Efesin 5:15, 16) Agħti prijorità l-affarijiet aktar importanti. (Filippin 1:10) Pereżempju, waqt li tkun qed tuża t-trasport pubbliku jew tkun qed tistenna lil ħaddieħor, ħu vantaġġ mill-ħin billi taqra jew tippjana l-kumplament tal-ġurnata.

“Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”Proverbji 21:5.