Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

Il-​gratitudni

Il-​gratitudni

Tant hemm benefiċċji li hemm prova għalihom, bħal dawk fiżiċi, mentali, u emozzjonali f’li nuru l-​gratitudni, li kulħadd għandu jagħmilha parti mill-​ħajja tiegħu taʼ kuljum.

Il-​gratitudni kif tgħinek biex tħossok tajjeb?

DAK LI TGĦID IX-​XJENZA MEDIKA

Skont artiklu fil-​Harvard Mental Health Letter, “il-​gratitudni għandha x’taqsam ferm u b’mod konsistenti maʼ iżjed ferħ. Il-​gratitudni tgħin lin-​nies ikollhom sentimenti iżjed pożittivi, igawdu esperjenzi sbieħ, itejbu s-​saħħa tagħhom, jgħaddu mid-​diffikultajiet, u jibnu relazzjonijiet b’saħħithom.”

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Il-​Bibbja tinkuraġġina biex nikkultivaw spirtu taʼ gratitudni. “Uru li intom grati,” kiteb l-​appostlu Pawlu, li kien t’eżempju tajjeb hu stess. Pereżempju, hu radd “ħajr lil Alla bla heda” għall-​mod pożittiv kif wieġbu oħrajn għall-​messaġġ li tahom. (Kolossin 3:15; 1 Tessalonikin 2:13) Ferħ dejjiemi ma jiġix biss milli ngħidu grazzi kultant imma milli jkun fil-​karattru tagħna li nkunu grati. Imbagħad dan jipproteġina milli naħsbu li għandna d-​dritt, mill-​għira, u mill-​korla. Dawn jistgħu jisirqulna l-​ferħ tal-​ħajja u jġiegħlu n-​nies jitbiegħdu minna.

Il-​Ħallieq tagħna nnifsu tana eżempju mill-​aħjar f’li juri apprezzament—anke lejn sempliċi bnedmin! Ebrej 6:10 jgħid: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.” Iva, il-​Ħallieq tagħna jqisha bħala xi ħaġa mhix sewwa, jew inġusta, li ma tintweriex gratitudni.

“Thennew dejjem. Roddu ħajr f’kollox.”1 Tessalonikin 5:16, 18.

 Il-​gratitudni kif ittejjeb ir-​relazzjoni tagħna m’oħrajn?

DAK LI TGĦIDLEK L-​ESPERJENZA

Meta nesprimu gratitudni sinċiera—kemm jekk għal xi rigal, kelma tajba, jew għajnuna prattika—aħna nkunu qed ngħinu lil dak li jagħti biex iħossu taʼ valur u apprezzat. Anke nies li ma jafux lil xulxin jieħdu pjaċir meta oħrajn jirringrazzjawhom sinċerament għal att taʼ qalb tajba li għamlu, bħal meta xi ħadd iżomm il-​bieb miftuħ għal ħaddieħor.

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

“Idraw agħtu,” qal Ġesù Kristu, “u n-​nies jagħtukom. Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar.” (Luqa 6:38) Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Rose, tfajla nieqsa mis-​smigħ fil-​Vanwatu, gżira fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar.

Rose attendiet il-​laqgħat Kristjani tax-​Xhieda taʼ Ġeħova imma ma tantx ibbenefikat minnhom, ladarba la hi u lanqas xi ħadd ieħor fil-​kongregazzjoni ma kien jaf il-​lingwa tas-​sinjali. Meta koppja li kienu mħarrġin sew fil-​lingwa tas-​sinjali żaru l-​kongregazzjoni u raw il-​problema, huma bdew klassi tal-​lingwa tas-​sinjali. Rose kienet grata ferm. “Jien ferħana li għandi tant ħbieb iħobbuni,” qalet hi. Għall-​koppja li għenitha, ikun aħjar minn kwalunkwe ħaġa oħra meta jaraw il-​gratitudni taʼ Rose u jinnotaw li issa qed tipparteċipa fil-​laqgħat. Rose ukoll tapprezza ħafna l-​isforzi li jagħmlu oħrajn biex jitgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali biex jikkomunikaw magħha.—Atti 20:35.

“Dak li joffrili radd il-​ħajr bħala sagrifiċċju hu dak li jigglorifika [lil Alla].”Salm 50:23.

Kif tistaʼ tkun iżjed grat?

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

Is-​sentimenti tagħna għandhom x’jaqsmu ħafna mal-​ħsibijiet tagħna. Il-​kittieb tal-​Bibbja David qal f’talba lil Alla: “Immeditajt fuq l-​attività kollha tiegħek; minn qalbi bqajt nikkunsidra xogħol idejk.” (Salm 143:5) Iva, David ma kienx xi bniedem aljenat u superfiċjali. L-​ispirtu taʼ gratitudni tiegħu ġie mill-​fatt li kien jaħseb regolarment dwar il-​mogħdijiet t’Alla, drawwa li kkultiva ħajtu kollha.—Salm 71:5, 17.

Il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir eċċellenti: ‘Kulma hu veru, kulma jqanqal l-​imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu.’ (Filippin 4:8) Il-​kliem “fuq dawn l-​affarijiet komplu aħsbu” jerġaʼ jurina l-​bżonn li nimmeditaw regolarment, xi ħaġa li se tgħinna nkunu grati.

“Il-​meditazzjoni taʼ qalbi se tkun dwar affarijiet li jeħtieġu l-​abbiltà li nifhem.”Salm 49:3.