Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 TITWILA LEJN IL-​PASSAT

Aristotele

Aristotele

IKTAR minn 2,300 sena ilu, Aristotele ta kontribut kbir lix-​xjenza u l-​filosofija. L-​ideat, il-​kitbiet, u l-​iskoperti tiegħu baqgħu jinteressaw lin-​nies matul is-​snin u ġew tradotti u studjati b’mod estensiv. Il-​professur tal-​istorja James MacLachlan kiteb li “l-​fehmiet dwar in-​natura li kellu Aristotele ddominaw il-​ħsieb tan-​nies fl-​Ewropa għal kważi 2,000 sena.” Xi fehmiet taʼ Aristotele anke influwenzaw it-​tagħlim Kattoliku u Protestant, kif ukoll l-​Iżlam.

Kien jinteressa ruħu f’ħafna affarijiet

Aristotele kiteb dwar l-​arti, l-​astronomija, il-​bijoloġija, l-​etika, il-​lingwa, il-​liġi, il-​loġika, il-​manjetiżmu, il-​metafiżika, il-​liġijiet taċ-​ċaqliq, il-​pjaċir, il-​poeżija, il-​politika, il-​psikoloġija, ir-​rettorika (l-​użu taʼ lingwa b’mod li jimpressjona jew lingwa li tinħass li mhix sinċiera), kif ukoll dwar ir-​ruħ, li kien iqisha bħala mortali. Madankollu, kien magħruf iżjed għax-​xogħol tiegħu fil-​bijoloġija u l-​loġika.

L-​istudjużi Griegi tal-​qedem straħu fuq l-​abbiltà tagħhom li josservaw, jirraġunaw, u jużaw il-​loġika biex jispjegaw id-​dinja naturali tagħna. L-​ewwel kienu jaraw dak li kkunsidraw bħala veritajiet ovvji u kienu jemmnu li jekk jirraġunaw sew fuq dawn il-​veritajiet, setgħu jaslu għal konklużjonijiet korretti.

Iggwidati b’filosofija bħal din, huma waslu għal xi konklużjonijiet tajbin—waħda minnhom hi li kien hemm ordni bażiku fl-​univers. Madankollu, problema kbira kienet li l-​abbiltà tal-​osservazzjoni tagħhom kienet limitata għal dak li setgħu jaraw huma biss—limitazzjoni li żvijat ħafna nies intelliġenti, inkluż Aristotele. Pereżempju, huma emmnu li l-​pjaneti u l-​istilel kienu jduru madwar id-​dinja.  F’dak iż-​żmien, dan ġie kkunsidrat bħala verità ċara minnha nfisha. “Kemm ir-​raġunar u kemm l-​esperjenza dehru jikkonfermaw il-​ħarsa tal-​Griegi li d-​dinja kienet iċ-​ċentru tal-​univers,” jgħid il-​ktieb The Closing of the Western Mind.

Kieku din il-​ħarsa żbaljata baqgħet fil-​qasam tax-​xjenza, ftit kien jimporta. Imma ma baqgħetx.

Il-​Kattoliċiżmu jaċċetta lil Aristotele

Fl-​Ewropa “Kristjana” tal-​Medju Evu, xi ftit mill-​fehmiet taʼ Aristotele laħqu l-​istat taʼ verità aċċettata—jiġifieri li ġeneralment ġew aċċettati bħala korretti. Teologi Kattoliċi Rumani—speċjalment Tumas t’Akwinu (madwar 1224-​1274)—daħħlu l-​kitbiet taʼ Aristotele fit-​teoloġija tagħhom. B’hekk, l-​idea taʼ dinja li tibqaʼ fl-​istess post fiċ-​ċentru tal-​univers saret domma Kattolika. It-​tagħlim kien ukoll aċċettat minn mexxejja Protestanti, bħal Kalvinu u Luteru, li qalu li kien tagħlim mill-​Bibbja.—Ara l-​kaxxa “ Ħadu l-​Bibbja letterali wisq.”

Xi ftit mill-​fehmiet taʼ Aristotele laħqu l-​istat taʼ verità aċċettata

“Ftit mill-​fehmiet [tagħlim taʼ Aristotele] u tal-​Kattoliċiżmu saru kważi ma jintgħarfux minn xulxin,” qal il-​kittieb Charles Freeman. B’hekk, kien jingħad li Akwinu “għammed” lil Aristotele fir-​reliġjon Kattolika. Madankollu, fir-​realtà, “Akwinu kkonverta għal Aristoteljaniżmu,” kiteb Freeman. Sa ċertu punt, forsi nistgħu nżidu li anke l-​knisja għamlet dan. Minħabba f’hekk, l-​astronomu Taljan u matematiku Galileo, li ssogra jippreżenta prova bbażata fuq l-​osservazzjoni tiegħu li d-​dinja ddur max-​xemx, kellu jidher quddiem l-​Inkwiżizzjoni u ġie sforzat jerġaʼ lura minn dak li qal. * Ironikament, Aristotele għaraf li l-​għerf xjentifiku hu progressiv, suġġett għal reviżjoni. Mhux li kien li l-​knejjes adottaw l-​istess ħarsa!

^ par. 11 Għal iżjed informazzjoni dwar “Il-​Konflitt taʼ Galileo mal-​Knisja,” ara l-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Mejju 2003.