Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Is-sistema nervuża tal-intestini (ENS, tidher bil-blu) qiegħda fl-organi tad-diġestjoni

Is-sistema nervuża tal-intestini—Hija “t-tieni moħħ” taʼ ġismek?

Is-sistema nervuża tal-intestini—Hija “t-tieni moħħ” taʼ ġismek?

KEMM-​IL moħħ għandek? Jekk it-​tweġiba tiegħek hi “wieħed,” mela wiġibt tajjeb. Madankollu, hemm sistemi nervużi oħra f’ġismek. Waħda minn dawn is-​sistemi taʼ newroni hi tant kbira li xi xjentisti rreferew għaliha bħala “t-​tieni moħħ.” Din hija s-​sistema nervuża tal-​intestini (enteric nervous system—ENS) li minflok ma tinstab f’rasek, qiegħda fil-​biċċa l-​kbira f’żaqqek.

Biex il-​ġisem ibiddel l-​ikel f’enerġija hemm bżonn taʼ koordinazzjoni u sforz enormi. B’hekk, il-​moħħ ġie ddisinjat biex bħallikieku jiddelega l-​biċċa l-​kbira mill-​kontroll tad-​diġestjoni lill-​ENS.

Għalkemm l-​ENS hija ferm aktar sempliċi mill-​moħħ, xorta waħda hija sistema kumplessa ħafna. Fil-​bnedmin, din tikkonsisti bejn 200 miljun u 600 miljun ċellula tan-​nervituri. Din is-​sistema kumplessa taʼ ċelluli hija parti mis-​sistema diġestiva. Ix-​xjentisti jemmnu li kieku x-​xogħol li tagħmel l-​ENS kellu jsir fil-​moħħ, in-​nervituri meħtieġa biex iġorru dawn iċ-​ċelluli kien ikollhom ikunu ħoxnin wisq. Skont il-​ktieb The Second Brain, ‘b’hekk huwa ħafna aktar aħjar u taʼ inqas periklu li tħalli s-​sistema diġestiva tieħu ħsieb lilha nfisha.’

“FABBRIKA TAL-​KIMIKA”

Id-​diġestjoni tal-​ikel teħtieġ li tipproduċi varjetà taʼ taħlit kimiku preċiż fil-​ħin xieraq u li jitwassal fil-​postijiet eżatti. Il-​professur Gary Mawe jiddeskrivi b’mod addattat is-​sistema diġestiva bħala “fabbrika tal-​kimika.” Is-​sofistikazzjoni taʼ dawn il-​proċessi kimiċi hi tal-​għaġeb. Pereżempju, in-​naħa taʼ ġewwa tal-​intestini huwa miksi b’ċelluli speċjalizzati li jirrikonoxxu l-​kimiċi li jkun hemm fl-​ikel li nieklu. Din l-​informazzjoni tgħin l-​ENS biex tikseb proteina partikulari tad-​diġestjoni li tkisser l-​ikel f’partiċelli li l-​ġisem ikun jistaʼ jassorbihom. L-​ENS għandha rwol importanti wkoll biex tikkontrolla l-​aċtu u l-​kimiki l-​oħrajn li joħorġu mill-​partiċelli tal-​ikel, u taġġusta l-​proteini tad-​diġestjoni skont il-​bżonn.

Aħseb dwar l-​organi tad-​diġestjoni bħala linja produttiva ġewwa fabbrika li fil-​biċċa l-​kbira hija mmexxija mill-​ENS. “It-​tieni moħħ” tiegħek imexxi l-​ikel fis-​sistema diġestiva billi jidderieġi l-​muskoli tul l-​organi tad-​diġestjoni biex jagħfsu u jimbottaw. Sabiex is-​sistema tiffunzjona bħal-​linji produttivi li ssib ġewwa fabbrika, l-​ENS tvarja l-​intensità u l-​frekwenza taʼ dawn il-​muskoli skont il-​bżonn.

L-​ENS tieħu ħsieb ukoll li tipproteġi l-​ġisem. L-​ikel li tiblaʼ x’aktarx ikun fih mikrobi perikolużi. Mhux taʼ b’xejn li madwar 70 sa 80 fil-​mija taċ-​ċelluli limfoċite—li jifformaw parti vitali mis-​sistema difensiva tal-​immunità tiegħek—jinstabu ġewwa żaqqek! Jekk tiblaʼ ħafna organiżmi perikolużi, l-​ENS tipproteġi ’l ġismek billi jibda jkollok ġbid qawwi f’żaqqek, u b’hekk tarmi l-​biċċa l-​kbira mis-​sustanzi tossiċi permezz taʼ dijarea jew rimettar.

 KOMUNIKAZZJONI TAJBA

Filwaqt li l-​ENS tidher li tiffunzjona b’mod indipendenti mill-​moħħ, dawn iż-​żewġ sistemi tan-​nervituri huma f’komunikazzjoni kontinwa. Pereżempju, l-​ENS għandha rwol f’li tikkontrolla l-​ormoni li jgħidu l-​moħħ meta għandek tiekol u kemm għandek tiekol. Iċ-​ċelluli tan-​nervituri tal-​ENS jibagħtu sinjal lill-​moħħ meta tkun xbajt u jistaʼ jkun li jġegħluk tħossok imdardar meta tiekol iżżejjed.

Anki qabel ma qrajt dan l-​artiklu, għandu mnejn diġà kont indunajt li hemm konnessjoni bejn l-​organi diġestivi tiegħek u moħħok. Pereżempju, meta tiekol xi ikel li jħaxxen, innotajt li donnu jagħmlek f’burdata aħjar? Ir-​riċerka turi li dan jiġri meta l-​ENS tiegħek tibgħat ‘sinjali taʼ ferħ’ lejn moħħok, u b’hekk jinbeda proċess li jġiegħlek tħossok aħjar. Dan jistaʼ jispjega għala n-​nies għandhom it-​tendenza li jieklu ikel li jġegħelhom iħossuhom aħjar meta jkunu stressati. Ix-​xjentisti qed jistudjaw il-​possibbiltà li jistimulaw l-​ENS b’mod artifiċjali biex jikkuraw id-​dipressjoni.

Eżempju ieħor taʼ komunikazzjoni bejn il-​moħħ u s-​sistema diġestiva ġiet deskritta bħala tferfir fl-​istonku. Din is-​sensazzjoni tistaʼ tinħass meta l-​ENS ma tħalliex id-​demm imur fl-​istonku meta l-​moħħ ikun stressat. Jistaʼ jkollok ukoll id-​dardir, għax matul l-​istress, il-​moħħ iġiegħel l-​ENS biex tbiddel il-​ġbid normali li jagħmlu l-​imsaren.

Għalkemm l-​ENS xi kultant jirreferu għaliha bħala “t-​tieni moħħ,” din la tistaʼ taħseb għalik u lanqas tgħinek tieħu deċiżjoni. Fi kliem ieħor, fir-​realtà l-​ENS mhijiex moħħ. Ma tistax tgħinek tikkomponi kanzunetta, tikkalkula l-​kontijiet, jew tagħmillek il-​homework. Xorta waħda, din is-​sistema meraviljuża tkompli taffaxxina lix-​xjentisti minħabba l-​kumplessità tagħha—li ħafna minnha, forsi, lanqas biss għadha ġiet skoperta. Mela fl-​ikla li jmiss, ieqaf ftit u aħseb dwar kemm se jkun hemm analizzar, ipproċessar taʼ informazzjoni, koordinazzjoni, u komunikazzjoni li dalwaqt se jibdew fis-​sistema diġestiva tiegħek!