Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ĠIE DISINJAT?

Il-fer tal-lontra tal-baħar

Il-fer tal-lontra tal-baħar

ĦAFNA mammiferi akkwatiċi li jgħixu f’ilma kiesaħ għandhom saff oħxon taʼ xaħam taħt il-​ġilda biex jgħinhom jibqgħu sħan. Il-​lontra tal-​baħar għandha metodu ieħor kif iżżomm sħuna—kowt mimli fer.

Ikkunsidra: Il-​fer tal-​lontra tal-​baħar hu iktar folt minn taʼ kwalunkwe mammiferu ieħor. Għandha madwar 155,000 xagħra f’kull ċentimetru kwadru. Meta l-​lontra tgħum, il-​kowt tagħha jżomm ammont t’arja maʼ ġisimha. Din l-​arja tgħinha tibqaʼ sħuna għax ma tħalliex l-​ilma kiesaħ jiġi f’kuntatt dirett mal-​ġilda tagħha u jneħħi s-​sħana taʼ ġisimha.

Ix-​xjentisti jemmnu li nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-​fer tal-​lontra tal-​baħar. Huma għamlu esperimenti fuq għadd taʼ kowtijiet b’fer artifiċjali billi varjaw fatturi bħat-​tul tax-​xagħar u l-​ispazju taʼ bejniethom. Ir-​riċerkaturi kkonkludew li “iktar ma x-​xagħar ikun twil u folt, iktar ix-​xagħar jibqaʼ xott jew ikun jiflaħ iktar għall-​ilma.” Fi kliem ieħor, il-​lontri tal-​baħar għandhom fer verament effiċjenti.

Ir-​riċerkaturi qed jittamaw li l-​istudji tagħhom iwassluhom biex jagħmlu avvanzi teknoloġiċi fid-​disinn u l-​produzzjoni taʼ drappijiet ġodda li jifilħu għall-​ilma. Dan jistaʼ jwassal lil xi wħud biex jaħsbu jekk in-​nies li jgħoddsu f’ilmijiet kesħin ikunux aħjar jekk jilbsu libsa tal-​baħar li jkollha l-​fer—waħda simili għal dik li għandha l-​lontra tal-​baħar!

Int x’taħseb? Il-​mod kif il-​lontra żżomm sħuna permezz tal-​fer tagħha ġie bl-​evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?