Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 INTERVISTA | FAN YU

Wieħed li jiżviluppa s-softwer tal-kompjuters jispjega t-twemmin tiegħu

Wieħed li jiżviluppa s-softwer tal-kompjuters jispjega t-twemmin tiegħu

DR. FAN YU beda l-​karriera tiegħu bħala riċerkatur tal-​matematika fiċ-​China Institute of Atomic Energy, qrib Beijing. Dak iż-​żmien kien ateu u kien jemmen fit-​teorija tal-​evoluzzjoni. Però, issa, Dr. Yu jemmen li Alla kien li ddisinja u ħalaq l-​ħajja. Stenbaħ! staqsieh dwar it-​twemmin tiegħu.

Jekk jogħġbok għidilna ftit dwarek.

Twelidt fl-​1959 fil-​belt taʼ Fuzhou, fil-​provinċja taʼ Jiangxi, iċ-​Ċina. Sakemm kelli tmien snin, il-​pajjiż kien qed iħoss l-​effett taʼ dik li llum hija msejħa r-​Rivoluzzjoni Kulturali. Missieri, li kien inġinier ċivili, ġie ordnat jibni rotta għat-​trejn f’post ’il bogħod fix-​xagħri. Għal snin sħaħ setaʼ jżurna darba fis-​sena biss. Matul dan iż-​żmien, kont ngħix m’ommi li kienet tgħallem fi skola primarja. Propjament, konna ngħixu fl-​istess skola li kienet tgħallem fiha. Fl-​1970, kellna mmorru ngħixu f’Liufang, li dak iż-​żmien kien villaġġ fqir fid-​distrett taʼ Linchuan, fejn l-​ikel kien skars.

Il-​familja tiegħek x’kienet temmen?

Missieri la kien interessat fir-​reliġjon u lanqas fil-​politika. Ommi kienet Buddista. Fl-​iskola, kont ġejt mgħallem li l-​ħajja evolviet bi proċess naturali, u kont nemmen dak li kienu jgħidu l-​għalliema tiegħi.

Għaliex interessajt ruħek fil-​matematika?

Il-​matematika kienet togħġobni għax permezz tagħha stajt infittex il-​verità b’raġunar loġiku. Fl-​1976, is-​sena li miet il-​mexxej tar-​rivoluzzjoni Mao Tse-​tung, mort l-​università. Għażilt il-​matematika bħala s-​suġġett prinċipali tiegħi. Wara li ġibt il-​masters, l-​ewwel xogħol tiegħi kien jinvolvi li nagħmel riċerka xjentifika biex ngħin fil-​produzzjoni tal-​enerġija atomika.

X’kienet l-​ewwel impressjoni tiegħek tal-​Bibbja?

Fl-​1987, mort f’Texas A&M University, l-​Istati Uniti, biex inġib id-​dottorat. Kont naf li fl-​Amerika ħafna nies kienu jemmnu b’Alla u jaqraw il-​Bibbja. Ukoll, kont smajt li l-​Bibbja fiha ħafna għarfien prattiku, u għalhekk iddeċidejt li naqraha.

 It-​tagħlim tal-​Bibbja kien jinstemaʼ prattiku. Imma sibt siltiet minnha diffiċli biex nifhimhom u wara ftit waqaft naqraha.

Għal xiex erġajt bdejt tinteressa ruħek fil-​Bibbja?

Il-​ħsieb li jeżisti Ħallieq kien ġdid għalija, u għalhekk iddeċidejt li nagħmel riċerka persunali dwar dan is-​suġġett

Fl-​1990, waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġiet id-​dar u wrietni x’tgħid il-​Bibbja dwar futur aħjar għall-​umanità. Hi għamlet arranġament biex koppja miżżewġa tiġi u tgħinni nifhem il-​Bibbja. Aktar tard, anke l-​mara tiegħi, Liping, li kienet ukoll atea, bdiet tistudja l-​Bibbja. Hi qabel kienet tgħallem il-​fiżika ġewwa skola fiċ-​Ċina. Bdejna nitgħallmu x’tgħid il-​Bibbja dwar l-​oriġini tal-​ħajja. Il-​ħsieb li jeżisti Ħallieq kien ġdid għalija, u għalhekk iddeċidejt li nagħmel riċerka persunali dwar dan is-​suġġett.

B’liema mod għamilt dan?

Bħala matematiku kont imħarreġ nikkalkula l-​probabbiltà li tiġri xi ħaġa. Kont tgħallimt ukoll li biex il-​ħajja tibda b’mod spontanju, il-​proteini jridu jkunu diġà jeżistu. Allura pprovajt nikkalkula l-​probabbiltà li proteina tistaʼ tibda mix-​xejn. Il-​proteini huma fost l-​aktar molekuli kkomplikati li nafu bihom, u ċ-​ċelluli ħajjin jistaʼ jkollhom eluf taʼ proteini differenti jaħdmu flimkien b’mod preċiż. Irrealizzajt, bħal ħafna oħrajn, li l-​possibbiltà li proteina tiġi mix-​xejn tant hi improbabbli li huwa prattikament impossibbli! Għadni ma qrajt xejn fit-​teorija tal-​evoluzzjoni li għalija jispjega b’mod sodisfaċenti kif dawn il-​molekuli tant ikkomplikati setgħu ħalqu lilhom infushom—aħseb u ara s-​sistemi ħajjin li l-​molekuli huma parti essenzjali minnhom. Għalija l-​fatti juru li hemm Ħallieq.

Xi kkonvinċiek li l-​Bibbja ġejja mingħand Alla?

Waqt li komplejt nistudja bl-​għajnuna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, tgħallimt li l-​Bibbja fiha ħafna profeziji dettaljati li twettqu. Bdejt nesperjenza wkoll il-​benefiċċji li jiġu meta napplika l-​prinċipji Bibliċi. Bejni u bejn ruħi kont ngħid, ‘Kif setgħu l-​kittieba tal-​Bibbja li għexu eluf taʼ snin ilu jiktbu kliem kollu għerf li għadu tant prattiku għal żmienna? Bil-​mod il-​mod, irrealizzajt li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla.

X’hemm aktar li jikkonvinċik li hemm Ħallieq?

Meta noqgħod naħseb fuq il-​ħafna elementi li hawn fin-​natura, ma nistax ma nemminx li hemm Ħallieq. Bħalissa niżviluppa s-​softwer tal-​kompjuters, u ħafna drabi nibqaʼ ċċassat kemm moħħna huwa avvanzat ħdejn il-​programmi tal-​kompjuters. Pereżempju, il-​kapaċità li għandu l-​moħħ biex jirrikonoxxi d-​diskors huwa tal-​għaġeb. Il-​biċċa l-​kbira minna kapaċi nifhmuh mingħajr problemi taʼ xejn. Anke jekk forsi sentenza ma tkunx sħiħa, tingħad bid-​daħq, bit-​tqaħqiħ, bit-​temtim, jew bl-​aċċent. Nifhmuha wkoll anke jekk il-​leħen jirbombja, ikun hemm xi ħsejjes fl-​isfond, jew it-​telefown ikun itextex. Tistaʼ taħseb li din mhix xi ħaġa taʼ barra minn hawn. Imma min jiżviluppa s-​softwer tal-​kompjuters jaf aħjar. Il-​moħħ uman huwa ferm aktar avvanzat mill-​aqwa softwer li kapaċi jagħraf l-​ilħna.

Kuntrarju għall-​kompjuters l-​aktar sofistikati, moħħna kapaċi jagħraf l-​emozzjonijiet, l-​aċċenti, u persuna minn leħinha. Dawk li jiżviluppaw is-​softwer tal-​kompjuters qegħdin jagħmlu riċerka biex jaraw kif il-​kompjuters jistgħu jimitaw l-​abbiltà tal-​moħħ li jirrikonoxxi d-​diskors. Jien konvint li meta qed jagħmlu hekk, ikunu fil-​fatt qegħdin jistudjaw ix-​xogħlijiet taʼ jdejn Alla.