Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​ĦARSA TAL-​BIBBJA

L-anġli

L-anġli

L-​anġli jidhru fil-​kotba, fl-​arti, u fil-​films. Imma min huma l-​anġli, u xi rwol għandhom?

Min huma l-​anġli?

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

 

Qabel m’Alla ħalaq l-​univers u l-​ewwel bnedmin, kien diġà ħalaq ħlejjaq intelliġenti superjuri. Huma iktar b’saħħithom mill-​bnedmin u jgħixu fl-​istess post fejn jgħix Alla nnifsu. Dan il-​post ma jintlaħaqx mill-​bnedmin u hu inviżibbli għalihom. (Ġob 38:4, 7) Lil dawn il-​ħlejjaq superjuri, il-​Bibbja ssejħilhom “spirti” u “anġli.”—Salm 104:4. *

Kemm jeżistu anġli? Għadd enormi. Madwar it-​tron t’Alla hemm “mirjadi taʼ mirjadi” jew “għaxart elef għal għaxriet t’eluf” t’anġli. (Rivelazzjoni 5:11; nota taʼ taħt) Jekk din l-​espressjoni niħduha f’sens letterali, allura hemm mijiet taʼ miljuni t’anġli!

[Jien] rajt . . . ħafna anġli li kienu madwar it-​tron  . . . , u l-​għadd tagħhom kien mirjadi taʼ mirjadi u eluf t’eluf.”—Rivelazzjoni 5:11.

X’kienu jagħmlu l-​anġli fiż-​żminijiet tal-​qedem?

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

 

L-​anġli spiss intużaw bħala kelliema jew messaġġiera t’Alla. * Fil-​Bibbja jiġu deskritti wkoll bħala li jwettqu xi għemejjel mirakolużi t’Alla. Alla bagħat anġlu biex ibierek lil Abraham u biex iżommu milli jissagrifika lil ibnu Iżakk. (Ġenesi 22:11-​18) Anġlu deher lil Mosè f’nofs siġra taqbad biex iwassallu messaġġ li biddel il-​ħajjiet. (Eżodu 3:1, 2) Meta l-​profeta Danjel ġie mitfugħ f’ħofra tal-​iljuni, “Alla . . . bagħat l-​anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-​iljuni.”—Danjel 6:22.

“Imbagħad l-​anġlu taʼ Ġeħova deherlu [lil Mosè] fi fjamma tan-​nar f’nofs għollieqa.”—Eżodu 3:2.

 X’inhuma jagħmlu l-​anġli issa?

DAK LI TGĦID IL-​BIBBJA

 

Ma nistgħux inkunu nafu dak kollu li qed jagħmlu l-​anġli llum. Però, il-​Bibbja tindika li huma involuti f’li jgħinu lil nies sinċieri jsiru jafu iktar dwar Alla.—Atti 8:26-​35; 10:1-​22; Rivelazzjoni 14:6, 7.

Ġeħova ta lill-​patrijarka Ġakobb ħolma li fiha ra anġli telgħin u neżlin “sellum” jew taraġ li kien bejn is-​sema u l-​art. (Ġenesi 28:10-​12) X’aktarx li minn din il-​ħolma Ġakobb ikkonkluda dak li nistgħu nikkonkludu aħna—li Alla Ġeħova jibgħat l-​anġli fuq l-​art fuq missjonijiet, biex jaġixxu għall-​benefiċċju taʼ bnedmin leali li għandhom bżonn l-​għajnuna tiegħu.—Ġenesi 24:40; Eżodu 14:19; Salm 34:7.

“Kien hemm sellum wieqaf fuq l-​art u l-​quċċata tiegħu kienet tasal sas-​smewwiet; u, ara, kien hemm l-​anġli t’Alla telgħin u neżlin fuqu.”—Ġenesi 28:12.

^ par. 6 Il-​Bibbja turi li xi spirti rribellaw kontra l-​awtorità t’Alla u ssejjaħ lil dawn l-​anġli mill-​agħar “demonji.”—Luqa 10:17-​20.

^ par. 11 Infatti, il-​kliem oriġinali bl-​Ebrajk u l-​Grieg li jintużaw fil-​Bibbja għall-​kelma “anġlu” jfissru “messaġġier.”