Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | HIJA L-BIBBJA VERAMENT MINGĦAND ALLA?

Il-Bibbja—Hija verament “imnebbħa minn Alla”?

Il-Bibbja—Hija verament “imnebbħa minn Alla”?

TEMMEN li l-​Bibbja hi minn Alla? Jew taħseb li hi ktieb li fih biss il-​ħsibijiet tal-​bniedem?

Dan hu dibattitu kontinwu saħansitra fost dawk li jgħidu li huma Kristjani. Pereżempju, fl-​2014, stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti wera li l-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li jissejħu Kristjani qablu li “l-​Bibbja hi konnessa b’xi mod m’Alla.” Mill-​banda l-​oħra, 20 fil-​mija minn dawk li ġew mistħarrġa qiesu l-​Bibbja bħala ktieb taʼ “ħrejjef, leġġendi, stejjer, u prinċipji tal-​qedem miktubin mill-​bniedem.” Din il-​kontroversja tpoġġi l-​enfasi fuq xi tfisser eżatt il-​kelma “mnebbħa” skont il-​Bibbja.—2 Timotju 3:16.

“IMNEBBĦA”—XI TFISSER?

Il-​Bibbja hi magħmula minn 66 ktieb żgħir, u dawn inkitbu minn xi 40 kittieb fuq medda taʼ żmien taʼ madwar 1,600 sena. Imma ladarba l-​Bibbja nkitbet mill-​bniedem, kif jistaʼ jkun li hi “mnebbħa minn Alla”? Fi kliem sempliċi, l-​espressjoni “mnebbħa minn Alla” tfisser li Alla hu s-​Sors tal-​informazzjoni taʼ dawn il-​kitbiet. Il-​Bibbja tpoġġiha b’dan il-​mod: “Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Fi kliem ieħor, Alla uża l-​forza attiva inviżibbli tiegħu, l-​ispirtu qaddis, biex jgħaddi l-​messaġġ tiegħu lill-​kittieba tal-​kotba tal-​Bibbja. Dan jistaʼ jitqabbel maʼ negozjant li jgħid lis-​segretarju tiegħu x’jikteb f’ittra. L-​awtur tal-​ittra mhuwiex min kitibha, imma dak li ddettalu x’jikteb.

Xi kittieba tal-​Bibbja infatti semgħu l-​messaġġ t’Alla minn anġlu. Oħrajn raw viżjonijiet minn Alla. F’xi ċirkustanzi, Alla kkomunika l-​messaġġ tiegħu permezz taʼ ħolm. Filwaqt li Alla xi kultant ippermetta lill-​kittieba jużaw il-​kliem tagħhom stess biex jiktbu l-​messaġġ tiegħu, f’xi każi oħrajn qalilhom il-​kliem preċiż li kellhom jiktbu. Kien x’kien il-​każ, l-​irġiel li ntużaw biex jiktbu wasslu l-​ħsibijiet t’Alla u mhux tagħhom stess.

Kif nistgħu nkunu ċerti li kien Alla li ispira l-​kittieba tal-​Bibbja? Ikkunsidra tliet raġunijiet li jsaħħu l-​fiduċja tagħna fl-​oriġini divina tal-​Bibbja.