“Erġgħu lura lejja, . . . u jien nerġaʼ lura lejkom.”—ŻAKKARIJA 1:3.

GĦANJIET: 120, 117

1-3. (a) X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​poplu taʼ Ġeħova meta Żakkarija beda jipprofetizza? (b) Ġeħova għala talab lill-​poplu tiegħu biex jerġaʼ lura lejh?

ROMBLU jtir, mara ġo qoffa, u żewġ nisa li fi ġwinħajhom kien hemm ir-​riħ, jiġifieri, li kienu qed jittajru fl-​għoli, bi ġwienaħ bħal taċ-​ċikonji. Dawn huma xi viżjonijiet eċċitanti li ra Żakkarija. (Żakkarija 5:1, 7-​9) Ġeħova għala ta dawn il-​viżjonijiet tal-​għaġeb lill-​profeta tiegħu? X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​Iżraelin f’dak iż-​żmien? U llum kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn il-​viżjonijiet?

2 Kienet is-​sena 537 qabel Kristu (QK), u l-​poplu taʼ Ġeħova kien ferħan ħafna. Kienu ilhom ilsiera f’Babilonja għal 70 sena sħaħ, imma issa kienu nħelsu! Kienu eċċitati biex imorru lura Ġerusalemm ħalli jerġgħu jibnu t-​tempju u jqimu lil Ġeħova hemm. Sena wara, l-​Iżraelin qiegħdu l-​pedament tat-​tempju. Mimlijin bil-​ferħ,  in-​nies bdew “jgħajtu għajat kbir u l-​ħoss kien jinstemaʼ saħansitra mill-​bogħod ħafna.” (Esdra 3:10-​13) Imma l-​oppożizzjoni għall-​bini ħraxet iktar u iktar. L-​Iżraelin tant skuraġġew ruħhom li waqfu jibnu t-​tempju. Minflok, iffokaw fuq li jibnu djarhom u jaħdmu l-​għelieqi tagħhom. Sittax-​il sena wara li tqiegħed il-​pedament, it-​tempju taʼ Ġeħova kien għadu ma tlestiex. Il-​poplu t’Alla kellu bżonn jiġi mfakkar biex jerġaʼ lura lejn Ġeħova u jieqaf jaħseb dwaru nnifsu. Ġeħova riedhom iqimuh biż-​żelu u l-​kuraġġ.

Biex Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħna rridu nagħtuh l-​aħjar

3 Għalhekk fis-​sena 520, Ġeħova bagħat lill-​profeta tiegħu Żakkarija sabiex jgħin lin-​nies jiftakru għala Hu kien ħelishom minn Babilonja. Hu taʼ interess li isem Żakkarija jfisser “Jah Ftakar.” Għalkemm l-​Iżraelin kienu nsew dak li għamel Ġeħova għalihom, Alla xorta ftakar fihom. (Aqra Żakkarija 1:3, 4.) Ġeħova wiegħed li jgħinhom iġeddu l-​qima pura. Iżda wkoll wissiehom li biex jaċċetta l-​qima tagħhom, huma kellhom jagħtuh l-​aħjar. Ejja neżaminaw is-​sitt u s-​sebaʼ viżjoni taʼ Żakkarija. Se nitgħallmu kif Ġeħova mmotiva l-​Iżraelin u kif dawn iż-​żewġ viżjonijiet jistgħu jgħinuna llum.

IL-​ĠUDIZZJU T’ALLA KONTRA DAWK LI JISIRQU

4. Żakkarija x’ra fis-​sitt viżjoni tiegħu? Ir-​romblu għala kellu l-​kitba fuq żewġ naħat? (Ara l-​ewwel stampa, 1.)

4 Kapitlu 5 taʼ Żakkarija jibda b’viżjoni mhux tas-​soltu. (Aqra Żakkarija 5:1, 2.) Żakkarija ra romblu jtir. Dan kien twil kważi 9 metri u wiesaʼ kważi 4.5 metri. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ir-​romblu kien miftuħ, u fuqu kien hemm messaġġ miktub. (Żakkarija 5:3) Kien messaġġ serju taʼ ġudizzju. Fiż-​żminijiet tal-​qedem, in-​nies ġeneralment kienu jiktbu fuq naħa waħda biss tar-​romblu. Imma dan il-​messaġġ tant kien importanti li kien hemm il-​kitba fuq iż-​żewġ naħat tar-​romblu.

Il-​Kristjani għandhom jevitaw kull tip taʼ serq (Ara paragrafi 5-​7)

5, 6. Ġeħova kif iqis kwalunkwe tip taʼ serq?

5 Aqra Żakkarija 5:3, 4Il-​bnedmin kollha huma responsabbli quddiem Alla għall-​azzjonijiet tagħhom. Dan hu speċjalment minnu għall-​poplu taʼ Ġeħova, għax dawn jissejħu b’ismu. Huma jħobbuh u jafu li s-​serq iżeblaħ, jew jiddiżonora, ’l ismu. (Proverbji 30:8, 9) Xi nies forsi jaħsbu li mhux ħażin li jisirqu sakemm għandhom raġuni tajba biex jagħmlu dan. Imma tidher kemm tidher tajba r-​raġuni, xi ħadd li jisraq juri li x-​xewqa egoistika tiegħu hi iktar importanti għalih minn Ġeħova, minn Ismu, u mil-​liġi Tiegħu.

6 Innotajt li Żakkarija 5:3, 4 jgħid li s-​saħta kienet se “tidħol f’dar il-​ħalliel” u li kienet se “tgħammar f’nofs daru u teqridha”? Allura, Ġeħova jistaʼ  jikxef u jiġġudika kwalunkwe mġiba ħażina fost il-​poplu tiegħu. Anke jekk persuna li tisraq tistaʼ taħbi dak li qed tagħmel mill-​pulizija, l-​imgħallem, l-​anzjani, jew il-​ġenituri, din ma tistax taħbi minn Ġeħova. Alla se jagħmel ċert li kull tip taʼ serq jinkixef. (Ebrej 4:13) Aħna nieħdu gost ħafna nkunu maʼ nies li jagħmlu l-​almu tagħhom biex ikunu onesti “f’kollox”!—Ebrej 13:18.

7. Kif nistgħu nevitaw is-​saħta tar-​romblu jtir?

7 Kull tip taʼ serq iweġġaʼ lil Ġeħova. Huwa unur għalina li nafu u nobdu l-​prinċipji taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u ħażin u li ngħixu b’mod li ma jġibx diżunur fuq ismu. Billi nagħmlu dan aħna se nevitaw il-​ġudizzju taʼ Ġeħova kontra nies li ma jobduhx.

ŻOMM KELMTEK “JUM WARA L-​IEĦOR”

8-10. (a) X’inhi ħalfa? (b) Is-​Sultan Sedekija liema ħalfa ma żammx?

8 Imbagħad, ir-​romblu jtir wassal messaġġ taʼ twissija lil dawk li ‘jaħilfu falz’ f’isem Alla. (Żakkarija 5:4) Ħalfa hija stqarrija li tikkonferma li xi ħaġa hi vera jew wegħda serja li tagħmel jew ma tagħmilx xi ħaġa.

9 Li tagħmel ħalfa f’isem Ġeħova hi xi ħaġa serja ħafna. Dan hu eżatt dak li għamel Sedekija, l-​aħħar sultan li kellu jmexxi f’Ġerusalemm. Sedekija ħalef f’isem Ġeħova li kien se jissottometti ruħu għas-​sultan taʼ Babilonja. Imma Sedekija ma żammx kelmtu. Għal dan, Ġeħova qal hekk dwaru: “Fl-​istess post tas-​sultan li għamel sultan lil dak li stmerr il-​ħalfa tiegħu u li kiser il-​patt,  miegħu f’nofs Babilonja jmut.”—Eżekjel 17:16.

10 Is-​Sultan Sedekija kien għamel il-​ħalfa tiegħu f’isem Alla, u Ġeħova stenna li jżommha. (2 Kronaki 36:13) Imma Sedekija ma żammx kelmtu u talab l-​għajnuna tal-​Eġittu biex jinħeles minn Babilonja. Iżda l-​Eġittu xorta ma setax jgħinu.—Eżekjel 17:11-​15, 17, 18.

11, 12. (a) Liema hi l-​iktar wegħda importanti li qatt nistgħu nagħmlu? (b) Id-​dedikazzjoni tagħna kif għandha taffettwa l-​ħajja tagħna taʼ kuljum?

11 Minn dak li ġara lil Sedekija, aħna nitgħallmu li Ġeħova jismaʼ l-​wegħdi li nagħmlu. Sabiex nogħġbuh, għandna nżommu l-​wegħdi tagħna. (Salm 76:11) L-​iktar wegħda importanti li nistgħu nagħmlu hi d-​dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova. Meta niddedikaw lilna nfusna lilu, aħna nwiegħdu li se naqduh jiġri x’jiġri f’ħajjitna.

12 Kif nistgħu nżommu l-​wegħda tagħna lil Ġeħova? “Jum wara l-​ieħor” aħna jkollna provi żgħar u kbar. Aħna nuru kemm ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova hi b’saħħitha bil-​mod kif naġixxu waqt dawn il-​provi. (Salm 61:8) Pereżempju, x’se tagħmel jekk xi ħadd fuq ix-​xogħol jew l-​iskola jibda jifflertja miegħek, jew, juri interess romantiku fik? Se turi li trid tobdi lil Ġeħova billi tirrifjuta l-​attenzjoni? (Proverbji 23:26) Jew xi ngħidu jekk int l-​uniku Xhud fil-​familja tiegħek? Titlob lil Ġeħova ħalli jgħinek tkompli taġixxi bħala Kristjan? Tkun f’liema sitwazzjoni tkun, tirringrazzja lil Ġeħova kuljum għall-​imħabba u l-​gwida tiegħu? Qiegħed twarrab ħin biex taqra l-​Bibbja kuljum? Sa ċertu punt, aħna wegħedna li nagħmlu dawn l-​affarijiet meta ddedikajna ruħna lil Ġeħova. Meta nobduh u nagħtuh l-​aħjar tagħna, aħna nuru lil Ġeħova li nħobbuh u li aħna tiegħu. Il-​qima tagħna hi l-​mod taʼ kif ngħixu ħajjitna. U peress li aħna leali lejn Ġeħova, hu jwegħedna futur mill-​isbaħ.—Dewteronomju 10:12, 13.

Bl-​eżempju tiegħu stess, Ġeħova jgħallimna li għandna nżommu l-​wegħdi tagħna

13. X’nistgħu nitgħallmu mis-​sitt viżjoni taʼ Żakkarija?

13 Is-​sitt viżjoni taʼ Żakkarija tgħinna nifhmu li jekk inħobbu lil Ġeħova, mhux se nisirqu jew niksru l-​wegħdi tagħna. Ukoll, nitgħallmu li minkejja li l-​Iżraelin żbaljaw ħafna drabi, Ġeħova żamm il-​wegħda tiegħu u m’abbandunahomx. Hu fehem li kienu f’sitwazzjoni diffiċli ħafna peress li kienu mdawrin bl-​għadu. Bl-​eżempju tiegħu stess, Ġeħova jgħallimna li għandna nżommu l-​wegħdi tagħna. U nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jgħinna nagħmlu dan. Mod wieħed kif Ġeħova jgħinna hu billi jagħtina tama għall-​futur. Dalwaqt, hu se jtemm il-​ħażen kollu li hawn fuq l-​art. Nistgħu naqraw dwar din it-​tama fil-​viżjoni li jmiss taʼ Żakkarija.

 ĠEĦOVA JNEĦĦI N-​NIES ĦŻIENA

14, 15. (a) Żakkarija x’ra fis-​sebaʼ viżjoni tiegħu? (Ara l-​ewwel stampa, 2.) (b) Il-​mara fil-​qoffa min kienet? L-​anġlu għala ssiġilla l-​qoffa?

14 Wara li Żakkarija ra romblu jtir, anġlu qallu: “Erfaʼ għajnejk.” Imbagħad Żakkarija ra “kejl t’efa.” Hawnhekk “efa” tirreferi għal qoffa li kienet tintuża biex titkejjel efa. (Aqra Żakkarija 5:5-​8.) Il-​qoffa kellha għatu tond taċ-​ċomb. Meta l-​qoffa nfetħet, Żakkarija ra “mara bil-​qiegħda f’nofs l-​efa.” L-​anġlu spjega lil Żakkarija li l-​mara f’dil-​qoffa kienet “il-​Ħażen.” Immaġina l-​biżaʼ kbira li kellu Żakkarija meta ra l-​mara tipprova toħroġ! Imma bla telf taʼ żmien, l-​anġlu tefagħha lura u ssiġilla l-​qoffa bl-​għatu tqil tagħha. Dan xi jfisser?

15 Din il-​viżjoni tagħtina fiduċja li Ġeħova ma jippermetti l-​ebda ħażen fost il-​poplu tiegħu. Jekk Ġeħova jara xi ħaġa ħażina, hu se jneħħiha bla telf taʼ żmien. (1 Korintin 5:13) L-​anġlu wera dan meta fil-​pront tefaʼ l-​għatu tqil fuq il-​qoffa.

Ġeħova wiegħed li jżomm il-​qima tiegħu nadifa (Ara paragrafi 16-​18)

16. (a) X’sar minnha l-​qoffa? (Ara l-​ewwel stampa, 3.) (b) In-​nisa bil-​ġwienaħ fejn ħaduha l-​qoffa?

16 Imbagħad, Żakkarija ra żewġ nisa li kellhom ġwienaħ b’saħħithom bħall-​ġwienaħ taċ-​ċikonji. (Aqra Żakkarija 5:9-​11.) Dawn in-​nisa kienu differenti għall-​aħħar mill-​mara ħażina fil-​qoffa. Bis-​saħħa li kellhom fi ġwinħajhom, huma refgħu l-​qoffa bil-​“Ħażen” ġo fiha u taru ’l bogħod. Fejn ħaduha? Huma ħadu l-​qoffa “fl-​art tas-​Sinar,”  li kienet Babilonja. Għala ħaduha hemm?

17, 18. (a) Babilonja għala kienet “il-​post xieraq” għall-​“Ħażen”? (b) X’int determinat li tagħmel?

17 L-​Iżraelin li għexu fi żmien Żakkarija kienu jifhmu għala Babilonja kienet l-​aħjar post fejn iż-​żewġ nisa jieħdu “l-​Ħażen.” Huma kienu jafu li kienet belt mimlija ħażen, immoralità, u qima falza. Żakkarija u Lhud oħra li kienu għexu hemm, kuljum kienu jagħmlu sforz kbir biex jirreżistu l-​influwenza pagana. Allura, din il-​viżjoni tat garanzija li Ġeħova kien se jżomm il-​qima tiegħu nadifa.

18 Din il-​viżjoni wkoll fakkret lil-​Lhud li anke huma kellhom ir-​responsabbiltà biex iżommu l-​qima tagħhom nadifa. Il-​ħażen ma jistax u mhux se jitħalla fost il-​poplu t’Alla. Illum, Ġeħova daħħalna fl-​organizzazzjoni nadifa tiegħu, fejn inħossu l-​imħabba u l-​protezzjoni tiegħu. Kull wieħed u waħda minna għandu r-​responsabbiltà li jgħin ħalli tinżamm nadifa. Il-​ħażen m’għandux jeżisti fost il-​poplu taʼ Ġeħova.

POPLU NADIF JONORA LIL ĠEĦOVA

19. Il-​viżjonijiet eċċitanti taʼ Żakkarija xi jfissru għalina llum?

19 Is-​sitt u s-​sebaʼ viżjoni taʼ Żakkarija huma twissija serja għal dawk li jagħmlu l-​ħażen. Ġeħova mhux se jħalli l-​ħażen jibqaʼ għaddej. Bħala qaddejja tiegħu, aħna għandna nobogħduh il-​ħażen. Dawn il-​viżjonijiet ukoll jassigurawna li jekk naħdmu biex nogħġbu lil Missierna kollu mħabba, hu mhux se jisħitna imma se jipproteġina u jberikna. Avolja jistaʼ jkun diffiċli li nibqgħu nodfa f’din id-​dinja mimlija ħażen, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nirnexxu! Imma kif nistgħu nkunu ċerti li l-​qima vera se tkompli teżisti? U hekk kif nersqu eqreb lejn it-​tribulazzjoni l-​kbira, kif nafu li Ġeħova se jipproteġi l-​organizzazzjoni tiegħu? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 4 Kubitu kien 44.5 ċm (Ara Appendiċi 5 tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa).