“Taħsbux li ġejt inġib il-​paċi fuq l-​art; ma ġejtx inġib il-​paċi, imma sejf.”—MATTEW 10:34.

GĦANJIET: 125, 135

1, 2. (a) Liema paċi jistaʼ jkollna issa? (b) Għala mhux possibbli għalina li jkollna paċi sħiħa għalissa? (Ara l-​ewwel stampa.)

ILKOLL kemm aħna rridu li jkollna l-​paċi f’ħajjitna, u rridu nevitaw l-​ansjetà. Allura aħna grati ferm li Ġeħova jagħtina “l-​paċi t’Alla.” Din il-​paċi hija kalma li tistaʼ tipproteġina minn ħsibijiet u sentimenti li jinkwetawna. (Filippin 4:6, 7) Peress li ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova, aħna għandna wkoll “il-​paċi m’Alla.” Dan ifisser li għandna relazzjoni tajba miegħu.—Rumani 5:1.

2 Madankollu, għad mhuwiex iż-​żmien għal Alla biex iġib paċi sħiħa fuq l-​art. Aħna qed ngħixu fl-​aħħar jiem, allura hemm ħafna problemi li jistgħu jagħmluna ansjużi. Aħna mdawrin b’nies vjolenti. (2 Timotju 3:1-​4) Ukoll, ikollna niġġieldu kontra Satana u t-​tagħlim falz li jxerred. (2 Korintin 10:4, 5) Iżda, dak li jistaʼ jġib l-​ikbar ansjetà hu l-​oppożizzjoni mill-​qraba li ma jaqdux lil Ġeħova. Uħud minnhom għandhom mnejn iwaqqgħu t-​twemmin tagħna għaċ-​ċajt jew jakkużawna li nifirdu l-​familja. Huma  saħansitra għandhom mnejn jgħidu li ma nistgħux nibqgħu nagħmlu parti mill-​familja jekk ma niqfux naqdu lil Ġeħova. Allura, x’għandna nkunu nafu dwar l-​oppożizzjoni mill-​familja? U kif nistgħu nżommu l-​paċi tagħna meta jiġri dan?

DAK LI GĦANDNA NKUNU NAFU DWAR L-​OPPOŻIZZJONI MILL-​FAMILJA

3, 4. (a) X’effett għandu t-​tagħlim taʼ Ġesù? (b) Meta kien se jkun speċjalment diffiċli li wieħed isegwi lil Ġesù?

3 Ġesù kien jaf li mhux kulħadd kien se jaċċetta t-​tagħlim tiegħu. Kien jaf ukoll li d-​dixxipli tiegħu kien se jkollhom bżonn il-​kuraġġ minħabba li xi wħud kienu se jopponuhom. Din l-​oppożizzjoni setgħet taffettwa l-​paċi tal-​familji tagħhom. Ġesù qal: “Taħsbux li ġejt inġib il-​paċi fuq l-​art; ma ġejtx inġib il-​paċi, imma sejf. Għax jien ġejt biex nifred, raġel minn missieru, u bint minn ommha, u mara żagħżugħa mill-​kunjata tagħha. Tabilħaqq, bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.”—Mattew 10:34-​36.

4 X’ried jgħid Ġesù meta qal “Taħsbux li ġejt inġib il-​paċi”? Hu ried lin-​nies ikunu jafu li kellu jkun hemm konsegwenzi għal dawk li jsiru dixxipli tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, l-​iskop taʼ Ġesù kien li jgħallem il-​verità dwar Alla lin-​nies u mhux li jifred il-​familji. (Ġwanni 18:37) Imma d-​dixxipli tiegħu kellhom bżonn ikunu jafu li mhux dejjem kien se jkun faċli li jsegwuh, speċjalment jekk ħbiebhom tal-​qalb jew membri tal-​familja ma kinux se jaċċettaw il-​verità.

5. X’esperjenzaw is-​segwaċi taʼ Ġesù?

5 Ġesù qal li l-​oppożizzjoni mill-​familja hija waħda mill-​affarijiet li s-​segwaċi tiegħu għandhom ikunu lesti li jissaportu. (Mattew 10:38) Sabiex jogħġbuh, id-​dixxipli taʼ Ġesù ssaportew meta l-​familji tagħhom waqqgħuhom għaċ-​ċajt jew saħansitra ċaħduhom. Imma huma kisbu bil-​wisq iżjed milli tilfu.—Aqra Marku 10:29, 30.

6. X’għandna niftakru jekk dawk li jiġu minna jopponuna?

6 Anke jekk dawk li jiġu minna jopponuna minħabba li nqimu lil Ġeħova, aħna xorta waħda nħobbuhom. Madankollu, għandna niftakru li mħabbitna għal Alla u Kristu jeħtieġ li tkun iktar b’saħħitha mill-​imħabba li għandna għal kwalunkwe persuna oħra. (Mattew 10:37) Ukoll, irridu nkunu konxji li Satana jistaʼ juża l-​imħabba tagħna għall-​familja biex iġegħelna nkunu żleali lejn Ġeħova. Ejja niddiskutu xi sitwazzjonijiet diffiċli u naraw kif nistgħu nissaportu.

SIEĦEB JEW SIEĦBA FIŻ-​ŻWIEĠ LI MA TAQDIX LIL ĠEĦOVA

7. Kif għandek tqis is-​sitwazzjoni tiegħek jekk is-​sieħeb jew sieħba tiegħek fiż-​żwieġ ma taqdix lil Ġeħova?

7 Il-​Bibbja twissina li kull min jiżżewweġ ‘ikollu tribulazzjoni,’ jew problemi. (1 Korintin 7:28) Jekk int miżżewweġ lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova, dan jistaʼ jżid iktar stress u ansjetà liż-​żwieġ tiegħek. Madankollu, hu importanti li tqis is-​sitwazzjoni tiegħek bil-​mod kif iqisha Ġeħova. Hu jgħid li ma nistgħux nisseparaw minn mas-​sieħeb jew sieħba tagħna jew niddivorzjaw sempliċement għaliex hu jew hi ma taqdix lil Ġeħova. (1 Korintin 7:12-​16) Jekk żewġek ma jaqdix lil Ġeħova u ma jiħux it-​tmexxija fil-​qima  vera, xorta hemm bżonn li tirrispettah bħala l-​kap tal-​familja tiegħek. U jekk martek ma taqdix lil Ġeħova, xorta hemm bżonn li tħobbha u tieħu ħsiebha bi mħabba.—Efesin 5:22, 23, 28, 29.

8. X’mistoqsijiet tistaʼ tistaqsi lilek innifsek jekk żewġek jew martek tipprova tillimitalek il-​qima tiegħek?

8 X’għandek tagħmel jekk is-​sieħeb jew sieħba tiegħek fiż-​żwieġ tipprova tillimitalek il-​qima tiegħek? Ir-​raġel taʼ waħda oħt qalilha li setgħet tmur fuq il-​ministeru tal-​għalqa f’ċerti ġranet tal-​ġimgħa biss. Jekk tinsab f’sitwazzjoni simili, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed żewġi jew marti tgħidli biex ma nibqax inqim lil Ġeħova kompletament? Jekk le, nistaʼ jien nagħmel dak li żewġi jew marti qed titlobni?ʼ Jekk int raġunevoli, se jkollok inqas problemi fiż-​żwieġ tiegħek.—Filippin 4:5.

9. Il-​Kristjani kif jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex jonoraw lill-​ġenitur li ma jkollux l-​istess twemmin?

9 Jistaʼ jkun diffiċli li tħarreġ lil uliedek jekk żewġek jew martek ma taqdix lil Ġeħova. Pereżempju, hemm bżonn li tgħallimhom jobdu l-​kmand tal-​Bibbja: “Onora lil missierek u lil ommok.” (Efesin 6:1-​3) Imma x’hemm bżonn isir jekk wieħed mill-​miżżewġin ma jsegwix dak li tgħid il-​Bibbja? Int tistaʼ tagħti eżempju tajjeb lil uliedek billi tonora lil żewġek jew martek. Aħseb dwar il-​kwalitajiet tajbin tiegħu jew tagħha u esprimi l-​gratitudni tiegħek għall-​affarijiet tajbin kollha li jagħmel jew tagħmel. Tgħidx affarijiet negattivi dwar il-​ġenitur l-​ieħor quddiem it-​tfal tiegħek. Minflok, spjegalhom li kull persuna għandha tagħżel jekk taqdix lil Ġeħova. Jekk tħarreġ lit-​tfal tiegħek biex jonoraw lill-​ġenitur li ma jkollux l-​istess twemmin, l-​eżempju tajjeb tagħhom jistaʼ jġiegħlu jkun irid jitgħallem dwar Ġeħova.

Għallem lil uliedek dwar il-​Bibbja kull meta jkun possibbli (Ara paragrafu 10)

10. Il-​ġenituri Kristjani kif jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex iħobbu lil Ġeħova?

10 Xi ġenituri li ma jaqdux lil Ġeħova forsi jkunu jridu lil uliedhom jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet taʼ oriġini pagana jew li jitgħallmu tagħlim reliġjuż falz.  Xi rġiel miżżewġin għandhom mnejn ukoll ma jħallux lil marthom Kristjana tgħallem il-​Bibbja lit-​tfal. Imma anke f’sitwazzjoni bħal din, mara miżżewġa se tagħmel dak li tistaʼ biex tgħallem il-​verità lil uliedha. (Atti 16:1; 2 Timotju 3:14, 15) Pereżempju, raġel miżżewweġ li ma jaqdix lil Ġeħova forsi ma jkunx irid li martu tagħmel studju tal-​Bibbja formali mat-​tfal jew li tiħodhom il-​laqgħat. Waqt li tirrispetta d-​deċiżjoni tiegħu, hi xorta tistaʼ tkellem lil uliedha dwar it-​twemmin tagħha kull meta jkun possibbli. B’dan il-​mod ikunu jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova u l-​livelli tiegħu tat-​tajjeb u l-​ħażin. (Atti 4:19, 20) Fl-​aħħar mill-​aħħar, it-​tfal se jkollhom jiddeċiedu jekk humiex se jaqdu lil Ġeħova. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)—Dewteronomju 30:19, 20.

QRABA LI JOPPONU L-​QIMA VERA

11. X’jistaʼ jaqlaʼ problema mal-​qraba tagħna li ma jaqdux lil Ġeħova?

11 Meta għall-​ewwel bdejna nistudjaw max-​Xhieda taʼ Ġeħova, forsi ma konniex għedna lill-​familja tagħna. Imma hekk kif il-​fidi tagħna kibret, irrealizzajna li kellna bżonn ngħidulhom li ridna naqdu lil Ġeħova. (Marku 8:38) Il-​lealtà tiegħek lejn Alla setgħet qalgħet problema bejnek u bejn il-​familja tiegħek. Ejja nikkunsidraw xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex iżżomm il-​paċi u fl-​istess ħin tibqaʼ leali lejn Ġeħova.

Jekk nifhmu kif iħossuhom il-​membri tal-​familja tagħna, se nsibuha iktar faċli biex ngħallmuhom il-​verità

12. Dawk li jiġu minna għala forsi jopponuna, iżda kif nistgħu nuruhom li jinteressana minn kif iħossuhom?

12 Ipprova ifhem kif iħossuhom il-​qraba tiegħek li ma jkollhomx l-​istess twemmin. Aħna ferħanin ħafna li nafu l-​verità mill-​Bibbja. Madankollu, dawk li jiġu minna forsi jaħsbu li ġejna ingannati jew li sirna parti minn xi grupp reliġjuż stramb. Għandhom mnejn jaħsbu li m’għadniex inħobbuhom għax ma niħdux sehem f’ċelebrazzjonijiet magħhom. Forsi jaħsbu wkoll li se tiġrilna xi ħaġa ħażina wara li mmutu. Jeħtieġ li nipprovaw nifhmu kif iħossuhom u nisimgħu sew x’jgħidulna biex hekk inkunu nafu għala jinkwetaw għalina. (Proverbji 20:5) L-​appostlu Pawlu pprova jifhem lil “nies taʼ kull xorta” biex ikun jistaʼ jgħallimhom l-​aħbar tajba. Jekk nipprovaw nifhmu lill-​membri tal-​familja tagħna, dan jistaʼ fil-​fatt jgħinna nkunu nafu kif ngħallmuhom il-​verità.—1 Korintin 9:19-​23.

13. Kif għandna nitkellmu maʼ qrabatna li ma jkollhomx l-​istess twemmin?

13 Tkellem bil-​ħlewwa. “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa,” tgħid il-​Bibbja. (Kolossin 4:6) Dan jistaʼ ma jkunx faċli. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna nuru ħlewwa u qalb  tajba maʼ qrabatna. M’għandniex nipprovaw nargumentaw magħhom dwar it-​twemmin falz kollu tagħhom. Jekk inħossuna mweġġgħin b’xi ħaġa li jgħidu jew jagħmlu, nistgħu nimitaw lill-​appostli. Pawlu qal: “Meta jgħajruna, inbierku; meta jippersegwitawna, nissaportu; meta jimmalafamawna, nitolbu bil-​ħrara,” jew, inwieġbu bil-​ħlewwa.—1 Korintin 4:12, 13.

14. X’inhuma l-​benefiċċji taʼ kondotta tajba?

14 Żomm kondotta tajba. Dan għala hu importanti? Għalkemm li nitkellmu bil-​ħlewwa jistaʼ jgħinna nżommu l-​paċi maʼ qrabatna, il-​kondotta tajba tagħna tistaʼ tkun saħansitra iktar effettiva. (Aqra l-​1 Pietru 3:1, 2, 16.) Ħalli ’l qrabatek jaraw mill-​eżempju tiegħek li x-​Xhieda taʼ Ġeħova għandhom żwiġijiet henjin, jieħdu ħsieb uliedhom sew, jgħixu fi qbil maʼ livelli Bibliċi, u għandhom ħajja bi skop. Anke jekk dawk li jiġu minna qatt ma jaċċettaw il-​verità, aħna nistgħu nkunu ferħanin għax nafu li l-​kondotta tajba tagħna togħġob lil Ġeħova.

15. Kif nistgħu nippjanaw bil-​quddiem biex nevitaw argumenti maʼ qrabatna?

15 Ippjana bil-​quddiem. Aħseb dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jqajmu argumenti maʼ qrabatek. Imbagħad iddeċiedi x’se tagħmel. (Proverbji 29:11) Hekk għamlet waħda oħt fl-​Awstralja. Il-​kunjatu tagħha oppona bl-​aħrax il-​verità u kultant jirrabja. Allura qabel ma jċemplulu, hi u r-​raġel tagħha jitolbu lil Ġeħova jgħinhom jevitaw li jwiġbuh bir-​rabja. Huma jaħsbu dwar suġġetti sbieħ li jistgħu jitkellmu dwarhom. U biex jevitaw konversazzjonijiet twal li normalment iwasslu għal argumenti dwar ir-​reliġjon, huma jiftiehmu dwar kemm idumu jkellmuh.

Il-​lealtà tiegħek lejn Ġeħova għandha tkun iktar b’saħħitha mill-​imħabba tiegħek għall-​familja

16. Kif tistaʼ tegħleb sentimenti taʼ ħtija dwar li ma togħġobx lil qrabatek?

16 Naturalment, ma tistax tevita n-​nuqqas taʼ ftehim kollu maʼ qrabatek li ma jemmnux bħalek. Nuqqas taʼ ftehim bħal dan jistaʼ jġiegħlek tħossok li għandek xi tort, speċjalment għaliex int tħobbhom ħafna lill-​familjari tiegħek u dejjem ipprovajt togħġobhom. Iżda ftakar li l-​lealtà tiegħek lejn Ġeħova għandha tkun iktar b’saħħitha mill-​imħabba tiegħek għall-​familja. Meta qrabatek jirrealizzaw dan, għandhom mnejn jifhmu l-​importanza taʼ li taqdi lil Ġeħova. Ma tistaʼ tisforza lil ħadd biex jaċċetta l-​verità. Però, int tistaʼ tħalli lil oħrajn jaraw kif li ssegwi l-​mogħdijiet taʼ Ġeħova għenek. U bħalma jagħmel magħna, Ġeħova joffrilhom l-​istess opportunità li joffri lilna, li jagħżlu li jaqduh.—Isaija 48:17, 18.

JEKK MEMBRU TAL-​FAMILJA JITLAQ LIL ĠEĦOVA

17, 18. X’jistaʼ jgħinek jekk membru tal-​familja jitlaq lil Ġeħova?

17 Meta membru tal-​familja jiġi maqtugħ mis-​sħubija jew jaqtaʼ lilu nnifsu  mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni, dan jistaʼ jkun estremament diffiċli. Tant jistaʼ jkun taʼ wġigħ li qisu xi ħadd qed jagħtik daqqa taʼ sikkina. Kif tistaʼ tissaporti dan l-​uġigħ?

18 Ibqaʼ ffokat fuq is-​servizz tiegħek lil Ġeħova. Meta jkollok uġigħ bħal dan, ikollok bżonn issaħħaħ il-​fidi tiegħek stess. Aqra l-​Bibbja regolarment, ipprepara għal-​laqgħat u attendihom, kompli pprietka, u itlob lil Ġeħova jagħtik is-​saħħa biex tissaporti. (Ġuda 20, 21) Xi ngħidu jekk qed tagħmel dan kollu u l-​uġigħ ma jmurx? Taqtax qalbek! Ibqaʼ ffokat fuq is-​servizz tiegħek lil Ġeħova. Maż-​żmien, dan se jgħinek tikkontrolla l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tiegħek. Hekk ġralu l-​kittieb taʼ Salm 73. Fil-​ħajja tiegħu, hu għadda minn żmien meta kien diffiċli għalih li jikkontrolla l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tiegħu. Iżda l-​qima tiegħu lil Ġeħova għenitu jerġaʼ jara l-​affarijiet bil-​mod it-​tajjeb. (Salm 73:16, 17) Int jistaʼ jiġrilek bħalu!

19. Kif tistaʼ turi rispett għall-​mod kif Ġeħova jiddixxiplina l-​poplu tiegħu?

19 Irrispetta d-​dixxiplina taʼ Ġeħova. Alla jaf li d-​dixxiplina tiegħu se tkun taʼ benefiċċju għal kull min hu involut, inkluż il-​wieħed li ġie maqtugħ mis-​sħubija. Għalkemm hu tassew taʼ wġigħ meta xi ħadd li nħobbu jiġi ddixxiplinat, dan jistaʼ jgħinu jew jgħinha terġaʼ lura lejn Ġeħova fil-​futur. (Aqra Ebrej 12:11.) Sadanittant, aħna għandna nirrispettaw id-​direzzjoni taʼ Ġeħova biex ‘ma nibqgħux nagħmluhaʼ maʼ dawk li ġew maqtugħin mis-​sħubija. (1 Korintin 5:11-​13) Minkejja l-​uġigħ taʼ qalb li nħossu, aħna għandna nevitaw kuntatt magħhom bit-​telefown, messaġġi bil-​mowbajl, ittri, e-​mails, jew midja soċjali, jiġifieri, siti tal-​Internet fejn tistaʼ tixxerja informazzjoni personali m’oħrajn.

Aħna nibqgħu nittamaw li dawk li nħobbu jerġgħu lura lejn Ġeħova

20. Għal xiex għandna nibqgħu nittamaw?

20 Qatt tieqaf tittama! L-​imħabba “kollox tittama,” allura aħna nibqgħu nittamaw li dawk li nħobbu jerġgħu lura lejn Ġeħova. (1 Korintin 13:7) Jekk tara evidenza li membru tal-​familja tiegħek qed itejjeb l-​attitudni tiegħu jew tagħha, int tistaʼ titlob għalih jew għaliha biex terġaʼ tikseb is-​saħħa mill-​Bibbja u taċċetta l-​istedina taʼ Ġeħova: “Erġaʼ lura lejja.”—Isaija 44:22.

21. X’għandek tagħmel jekk il-​familja tiegħek topponik għax qed issegwi lil Ġesù?

21 Ġesù qal li għandna nħobbu lilu iktar minn kwalunkwe bniedem. U Ġesù kien ċert li d-​dixxipli tiegħu kien se jkollhom il-​kuraġġ biex jibqgħu leali lejh anke jekk il-​familja tagħhom opponiethom. Allura jekk il-​familja tiegħek topponik għax qed issegwi lil Ġesù, strieħ fuq Ġeħova. Itolbu jgħinek biex jirnexxilek tissaporti. (Isaija 41:10, 13) Sib il-​ferħ f’li tkun taf li Ġeħova u Ġesù huma kuntenti bik u li se jippremjaw il-​lealtà tiegħek.

^ par. 10 Għal iktar informazzjoni dwar it-​taħriġ tat-​tfal meta ġenitur wieħed biss jaqdi lil Ġeħova, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu 2002.