Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-ħajja mingħajr il-vista

Il-ħajja mingħajr il-vista

“Tlift il-biċċa l-kbira tal-vista wara t-twelid meta tawni taqtir tal-għajnejn aħrax. Fl-adoloxxenza għamejt għalkollox u waqajt f’dipressjoni qawwija.”—Paqui, mara li għandha mal-45 sena u li r-raġel tagħha hu agħma wkoll.

LI WIEĦED ikun agħma jew li jkollu xkiel serju tal-vista jistaʼ jkun kaġun taʼ ħafna affarijiet, inkluż inċidenti u mard. Dawn jistgħu jeffettwaw l-għajnejn, in-nervi ottiċi, jew il-moħħ. Nies li jitilfu l-biċċa l-kbira tal-vista jew kollha kemm hi spiss jesperjenzaw ċaħda, niket, u biżaʼ. Però, ħafna jitgħallmu jkampaw tajjeb ħafna u jkollhom ħajja sodisfaċenti.

Normalment, l-għajnejn huma s-sors primarju tal-informazzjoni dwar id-dinja taʼ madwarna. Allura, meta xi ħadd jitlef il-vista, jistrieħ ħafna iżjed fuq is-sensi l-oħra—is-smigħ, ix-xamm, il-mess, u t-togħma.

Skont ir-rivista Scientific American, ir-riċerka fuq in-newroplastiċità (il-kapaċità li għandu l-moħħ biex jinbidel u jadatta) tissuġġerixxi li l-moħħ għandu l-abbiltà “biex jinbidel bl-esperjenza.” L-artiklu jżid: “Evidenza qawwija turi li meta jonqos id-dħul taʼ informazzjoni minn wieħed mis-sensi tagħna, il-moħħ hu kapaċi jerġaʼ jorganizza lilu nnifsu biex jappoġġa u jsaħħaħ sensi oħra.” Ikkunsidra dan li ġej:

Is-smigħ: Minn vuċijiet sa passi tas-saqajn, il-ħsejjes jistgħu jpinġu stampa mentali. “Tgħallimt nagħraf u niftakar lin-nies mill-vuċi tagħhom u anki minn kif jimxu,” jgħid raġel agħma jismu Fernando. Juan, li hu wkoll agħma, jgħid: “Għal persuna għamja, il-vuċi taʼ xi ħadd hi l-identità tiegħu.” U bħalna lkoll, l-għomja jieħdu nota tat-ton tal-vuċi, li jistaʼ jipproduċi varjetà taʼ emozzjonijiet.

Lill-widna mħarrġa taʼ persuna għamja, il-ħsejjes jagħtu ħafna informazzjoni dwar l-ambjent—mid-direzzjoni tat-traffiku sad-daqs taʼ kamra, kif ukoll il-post taʼ ċerti ostakli.

Ix-xamm: Is-sens tax-xamm jistaʼ jkun sors rikk taʼ informazzjoni, imma mhux biss dwar is-sors tal-irwejjaħ. Pereżempju, meta persuna għamja timxi tul ċerta rotta, is-sens tax-xamm tagħha jistaʼ jgħinha tifforma mappa mentali li tistaʼ tinkludi  ħwienet tal-kafè, restoranti, swieq, u nibqgħu sejrin. M’għandniex xi ngħidu, ħsejjes familjari jżidu mal-mappa, bħalma jagħmlu d-dettalji li jiġu mis-sens tal-mess.

Il-mess: “Subgħajja huma għajnejja,” jgħid Francisco. Il-vista taʼ dawn l-“għajnejn” tistaʼ tiżdied permezz taʼ bastun. Manasés, li twieled agħma u tgħallem juża bastun fit-tfulija, qal, “Naf eżatt fejn inkun grazzi għas-sensi l-oħra u l-memorja tiegħi u l-għamla tal-bankina li nħoss bl-għajnuna tal-bastun tiegħi.”

Tinqara rivista tat-Torri tal-Għassa bil-Braille

Is-sens tal-mess ukoll jippermetti lil ħafna nies għomja jaqraw permezz taʼ letteratura ppubblikata bil-Braille. Infatti, daż-żmien, hu komuni li persuna għamja jkollha aċċess għal ammont taʼ provvedimenti biex ittejjeb il-ħajja mentali u spiritwali tagħha. Minbarra pubblikazzjonijiet bil-Braille, dawn il-provvedimenti jinkludu rekordings bl-awdjo u teknoloġija bbażata fuq il-kompjuter. Bl-għajnuna taʼ dawn, l-għomja jistgħu jaqraw il-Bibbja u varjetà taʼ għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja. *

 Dawn il-provvedimenti spiritwali kienu sors taʼ faraġ u tama liema bħalhom għal Paqui u żewġha, li ssemmew fil-bidu. Kisbu wkoll l-appoġġ taʼ familja spiritwali kbira, il-kongregazzjoni Kristjana lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. “Issa nistgħu ngħixu ħajja sodisfaċenti u raġunevolment indipendenti,” tgħid Paqui.

Tabilħaqq, l-għama tippreżenta sfidi speċjali. Imma x’turija hi din taʼ kemm il-bniedem hu kapaċi jadatta ruħu u jirkupra meta jilqaʼ dawn l-isfidi u jkompli jesperjenza l-ferħ tal-ħajja!

^ par. 10 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jipproduċu għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja bil-Braille f’iżjed minn 25 lingwa.