Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Tmiem id-dinja

Tmiem id-dinja

“Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll,” jgħid l-1 Ġwanni 2:17. Din id-“dinja” x’inhi? Kif u meta se tgħaddi?

X’inhi d-“dinja” li se tgħaddi?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Peress li d-dinja li qed nitkellmu fuqha għandha ‘xewqat’ li ħaqqhom id-diżapprovazzjoni t’Alla, ovvjament mhix id-dinja letterali. Pjuttost, hi d-dinja taʼ umanità li tinjora lil Alla u b’hekk tagħmel lilha nfisha għadu tiegħu. (Ġakbu 4:4) In-nies li jifformaw din id-dinja se “jieħdu l-kastig ġudizzjarju taʼ qerda għal dejjem.” (2 Tessalonikin 1:7-9) Mill-banda l-oħra, nies li ma jibqgħux “parti mid-dinja,” billi jobdu lil Ġesù Kristu, għandhom il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 15:19.

Tabilħaqq, l-1 Ġwanni 2:17 jikkonkludi: “Min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” Iva, ikollu l-prospett li jkollu ħajja taʼ dejjem hawnhekk fuq l-art, kif jintqal f’Salm 37:29: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”

“Tħobbux id-dinja u lanqas dak li hemm fid-dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier mhix fih.”1 Ġwanni 2:15.

Kif se tispiċċa d-dinja?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

It-tmiem se jiġi f’żewġ stadji prinċipali. L-ewwel, Alla se jeqred ir-reliġjonijiet organizzati foloz, impinġijin bħala prostituta li jisimha “Babilonja l-Kbira.” (Rivelazzjoni 17:1-5; 18:8) Filwaqt li tistqarr li hi leali lejn Alla, issieħbet mal-mexxejja politiċi tad-dinja. Però, dawn il-mexxejja stess se jduru għaliha. “Lill-prostituta . . . jħarbtuha u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha [jew ir-rikkezzi tagħha] u jaħarquha għalkollox bin-nar.”—Rivelazzjoni 17:16.

Imbagħad, Alla se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-mexxejja politiċi stess—“is-slaten taʼ l-art abitata kollha.” Flimkien man-nies mill-agħar inġenerali, dawn se jinqerdu fil-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox,” imsejħa wkoll “Ħar–Magedon.”—Rivelazzjoni 16:14, 16.

“Fittxu lil Ġeħova, intom il-ġwejdin kollha taʼ l-art . . . Fittxu s-sewwa, fittxu li tkunu ġwejdin. Probabbilment tkunu tistgħu tinħbew f’jum ir-rabja taʼ Ġeħova.”Sofonija 2:3.

 Meta se tispiċċa d-dinja?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

It-tmiem jiġi meta l-umanità tkun irċiviet twissija biżżejjed permezz tax-xandir globali tas-Saltna t’Alla—gvern dinji li se jieħu post it-tmexxija tal-bniedem. (Danjel 7:13, 14) Ġesù Kristu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Dan ix-xogħol tal-ippritkar, li jirrifletti l-ġustizzja u l-ħniena t’Alla hu parti minn “sinjal” magħmul minn ħafna partijiet li jimmarka żmien it-tmiem. Is-sinjal jinkludi wkoll gwerer internazzjonali, terremoti, ġuħ, u mard.—Mattew 24:3; Luqa 21:10, 11.

Minbarra li tbassar ġrajjiet dinjin, il-Bibbja tagħtina wkoll il-karatteristiki tan-nies tal-“aħħar jiem.” Naqraw: “Ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, . . . diżubbidjenti lejn il-ġenituri, . . . mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, . . . iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” *2 Timotju 3:1-5.

Id-dinja mill-agħar preżenti dalwaqt se “tgħaddi.”—1 Ġwanni 2:17

Dawn il-kundizzjonijiet kollha jimmarkaw l-era li bdiet madwar iż-żmien tal-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914. Iżjed minn hekk, minn dik is-sena ’l hawn, is-Saltna t’Alla ġiet imħabbra f’kull rokna tad-dinja, u x-Xhieda taʼ Ġeħova jqisuh taʼ unur li huma magħrufin man-nies bħala dawk li qed jagħmlu dan ix-xogħol. Infatti r-rivista primarja tagħhom jisimha It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova.

“Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”Mattew 25:13.

^ par. 14 Għal iżjed informazzjoni, ara kapitlu 9 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll fuq www.jw.org/mt.