Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Meta xi ħadd maħbub ikun marid

Meta xi ħadd maħbub ikun marid

“Meta missieri kien wasal biex joħroġ mill-isptar, tlabna lit-tabib jirrivedi r-riżultati tat-test tad-demm magħna. It-tabib assigurana li r-riżultati kienu normali, imma b’qalb tajba mar iġibhom. Baqaʼ sorpriż meta ra li tnejn minnhom kienu ogħla milli suppost! Talab apoloġija u sejjaħ speċjalista. Missieri issa sejjer tajjeb. Imma aħna ferħanin ħafna li għamilnielu l-mistoqsijiet.”—Maribel.

Qabel l-appuntament, agħmel lista tas- sintomi u l-mediċini

L-appuntamenti mat-tobba u li jkollok tibqaʼ l-isptar jistgħu jkunu stressanti ħafna. Bħalma turi l-esperjenza taʼ Maribel, l-għajnuna taʼ ħabib jew qarib tistaʼ tkun taʼ siwi—anki saħansitra ssalva l-ħajja. Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd maħbub?

Qabel iż-żjara. Għin lill-pazjent jagħmel lista taʼ sintomi li għandu kif ukoll kwalunkwe mediċina jew suppliment li jieħu. Ukoll, ikteb kwalunkwe mistoqsija li jrid jistaqsi lit-tabib. Għin lil ħabibek jiftakar kwalunkwe dettall tal-kundizzjoni tiegħu jew l-istorja medika tal-familja li għandha x’taqsam mal-marda. Tassumix li t-tabib diġà jaf dawn id-dettalji jew li se jistaqsi lill-pazjent dwarhom.

Oqgħod attent, staqsi mistoqsijiet bir-rispett, u ħu n-noti

Matul iż-żjara. Kun ċert li int u l-pazjent tifhmu x’jgħid it-tabib. Staqsi l-mistoqsijiet, imma tinsistix fuq l-opinjonijiet tiegħek. Ippermetti lill-pazjent jistaqsi l-mistoqsijiet u jitkellem għalih innifsu. Oqgħod attent u ħu n-noti. Staqsi dwar għażliet tal-kura. F’xi każijiet, forsi jkun għaqli li tissuġġerixxi lill-pazjent jieħu opinjoni oħra.

Irrivedi d-direzzjonijiet tat-tabib, u ċċekkja r-riċetta li jagħti

Wara ż-żjara. Irrivedi l-appuntament mal-pazjent. Kun ċert li jixtri l-mediċina t-tajba. Inkuraġġih jieħu l-mediċina skont ir-riċetta tat-tabib u biex jinforma lit-tabib immedjatament jekk ikollu reazzjoni ħażina għaliha. Ħeġġeġ lill-pazjent iżomm ħarsa pożittiva, u inkuraġġih isegwi kwalunkwe istruzzjoni oħra, bħal li jerġaʼ jara tabib. Għinu jsir jaf iżjed dwar il-marda tiegħu.

 Meta tkunu l-isptar

Kun ċert li l-formoli kollha jimtlew sew

Ibqaʼ kalm u moħħok hemm. Pazjent li jkun dieħel l-isptar jistaʼ jħossu inkwetat u li ma jistaʼ jagħmel xejn. Billi tkun kalm u moħħok hemm, tkun tistaʼ tgħin lil kulħadd jirrilassa u wkoll biex ma jsirux żbalji. Kun ċert li l-formoli tad-dħul jimtlew sew. Irrispetta d-dritt tal-pazjent li jieħu deċiżjonijiet mediċi informati. Jekk tant ikun marid li ma jkunx jistaʼ jagħmel dan, onora x-xewqat li kien niżżel bil-miktub u l-awtorità tal-qraba tiegħu jew taʼ min jiħodlu ħsieb saħħtu. *

Bir-rispett aqsam l-osservazzjonijiet tiegħek mal-istaff

Ħu l-inizjattiva. Tibżax titkellem. L-apparenza rispettabbli u l-manjieri tajbin tiegħek jistgħu jqanqlu lit-tim mediku jieħdu iżjed interess fil-pazjent u saħansitra jiġu mmotivati jtejbu l-kwalità taʼ kif jieħdu ħsiebu. F’ħafna sptarijiet, diversi tobba jżuru lill-pazjenti. Tistaʼ tgħinhom billi ssemmilhom dak li membri oħra tal-istaff ikunu qalu. Int taf lill-pazjent, għalhekk ikun tajjeb li tiġbdilhom l-attenzjoni għal kwalunkwe bidla fiżika jew mentali li tinnota fih.

Agħmel li tistaʼ mingħajr ma tkun taʼ xkiel

Uri rispett u gratitudni. L-istaff tal-isptar spiss jaħdmu taħt kundizzjonijiet stressanti. Ittrattahom kif tixtieq tiġi ttrattat int. (Mattew 7:12) Uri rispett għat-taħriġ u l-esperjenza tagħhom, fiduċja fl-abbiltà tagħhom, u gratitudni għall-isforz tagħhom. Apprezzament bħal dan jistaʼ jinkuraġġihom jagħmlu l-almu tagħhom.

Ħadd ma jistaʼ jevita li jimrad. Imma permezz taʼ ħsieb minn qabel u assistenza prattika, tistaʼ tgħin ħabib jew qarib jagħmel l-aħjar li jistaʼ f’sitwazzjoni diffiċli.—Proverbji 17:17.

^ par. 8 Liġijiet u prattiki rigward id-drittijiet u d-dmirijiet tal-pazjent ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. Kun ċert li d-dokumenti tal-pazjent li fihom ikun hemm imniżżel ix-xewqat tiegħu jkunu mimlijin u aġġornati.