Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif titlob maħfra

Kif titlob maħfra

L-ISFIDA

Int u martek jew żewġek għadu kif kellkom argument. ‘Jien m’għandix għalfejn nitlob maħfra,’ tgħid lilek innifsek. ‘Mhux jien bdejt!ʼ

Int ma tibqax targumenta, imma t-tensjoni tibqaʼ. Terġaʼ taħsibha titlobx maħfra, imma ma tistax iġġiegħel lilek innifsek tgħid dik il-kelma sempliċi “jiddispjaċini.”

GĦALA JIĠRI DAN

Kburija. “Kultant diffiċli ngħid ‘jiddispjaċini’ għaliex il-kburija tiegħi ma tħallinix,” jammetti raġel miżżewweġ jismu Charles. * Kburija eċċessiva tistaʼ ġġiegħlek tħossok imbarazzat wisq biex tammetti li għandek parti mit-tort.

Opinjoni. Forsi tħoss li titlob maħfra jkun xieraq biss jekk int responsabbli għall-problema. Mara miżżewġa jisimha Jill tgħid: “Meta nkun naf li jien għandi t-tort, ikun faċli ngħid ‘jiddispjaċini.’ Imma meta t-tnejn li aħna nkunu għedna affarijiet li jiddispjaċina li għedniehom, ikun diffiċli. Irrid ngħid, għala għandi nitlob maħfra jien jekk it-tnejn li aħna żbaljajna?”

Tistaʼ tħossok jerġaʼ iżjed ġustifikat jekk tħoss li dak li ġara kien kollu t-tort taʼ martek jew żewġek. “Meta ġenwinament temmen li m’għamilt xejn ħażin,” jgħid raġel miżżewweġ jismu Joseph, “li żżomm lura milli titlob maħfra jsir mod kif tgħid li m’għandekx tort.”

Trobbija. Forsi trabbejt f’familja fejn rari kienet tintalab maħfra. Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun li għadek ma tgħallimtx tammetti l-iżbalji tiegħek. Peress li kellek ftit prattika meta kont żgħir, qatt ma drajt titlob apoloġiji sinċieri bħala adult.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Apoloġija tistaʼ titfi l-fjammi tat-tilwim

Iffoka fuq martek jew żewġek. Ipprova aħseb f’okkażjoni fejn xi ħadd talbek skuża u kemm ħassejtek tajjeb minħabba f’hekk. Għala ma tgħinx lil martek jew żewġek iħossu l-istess? Anki jekk temmen li ma kellekx tort, tistaʼ tiskuża ruħek għall-uġigħ li jħoss jew għall-konsegwenzi mhux intenzjonati tal-azzjonijiet tiegħek. Kliem bħal dan jistaʼ jgħin lil martek jew żewġek ifiq.—Prinċipju Bibliku: Luqa 6:31.

Iffoka fuq iż-żwieġ tiegħek. Ħares lejn l-apoloġija bħala rebħa għaż-żwieġ tiegħek mhux bħala telfa għalik. Wara kollox, xi ħadd li jibqaʼ offiż hu “iżjed iebes minn belt b’saħħitha,” jgħid Proverbji 18:19. Hu diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tirrestawra l-paċi f’atmosfera li fiha tkunu qed tiddefendu ruħkom. Mill-banda l-oħra meta titlob maħfra, int tipprevieni li l-offiża ssir ħajt. Fi ftit kliem, tpoġġi ż-żwieġ tiegħek qablek.—Prinċipju Bibliku: Filippin 2:3.

Itlob maħfra malajr. Veru, li titlob maħfra jistaʼ jkun diffiċli jekk m’għandekx tort sal-aħħar. Imma l-iżbalji taʼ martek jew żewġek ma jiskużawx imġiba ħażina min-naħa tiegħek. Allura, iżżommx lura milli tagħmel apoloġija għax taħseb li maż-żmien l-offiża tintesa. Li tagħmel apoloġija jistaʼ jagħmilha iżjed faċli biex martek jew żewġek jagħmel apoloġija hu wkoll. U iktar ma tidra titlob maħfra, iżjed se jkun faċli għalik.—Prinċipju Bibliku: Mattew 5:25.

Agħti prova li veru jiddispjaċik. Li tiġġustifika l-imġiba tiegħek u li tagħmel apoloġija għaliha mhumiex l-istess ħaġa. U li tgħid, forsi b’xi naqra sarkażmu, “Jiddispjaċini li int daqshekk sensittiva dwar dan” mhi apoloġija xejn! Aċċetta r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħek u agħraf l-uġigħ li tħoss il-persuna l-oħra, kemm jekk temmen jekk l-uġigħ hux ġustifikat u kemm jekk le.

Iffaċċja l-fatti. B’umiltà aċċetta li tiżbalja. Wara kollox, kulħadd jiżbalja! Anki jekk taħseb li m’għandekx ħtija f’xi sitwazzjoni, ammetti li l-verżjoni tiegħek taʼ dak li ġara probabbilment ma tkunx l-istorja kollha. “L-ewwel wieħed li jesprimi l-każ tiegħu jidher li qiegħed fis-sewwa,” tgħid il-Bibbja, “sakemm jidħol għajru u jgħarblu.” (Proverbji 18:17) Se tkun iżjed inklinat li titlob maħfra jekk ikollok ħarsa realistika tiegħek innifsek u tan-nuqqasijiet tiegħek.

^ par. 7 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.