Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦANDEK KONTROLL FUQ ĦAJTEK?

L-isfida: Qed jintalab wisq minnek

L-isfida: Qed jintalab wisq minnek

ULIEDEK għandhom bżonnok—issa. Anki l-imgħallem. Qed isejjaħlek żewġek jew martek. Dan kollu waqt li qed tipprova tieħu ħsieb ġenitur li ma jiflaħx. Din mhix il-ħajja li kellek pjanata, imma tixroblok saħħtek kuljum. “X’nistaʼ nagħmel?” tgħid bejnek u bejn ruħek. “Għandhom bżonni!” Li tirreaġixxi għal kull bżonn li jkollhom mhux bilfors hu fl-aħjar interessi tiegħek—jew tagħhom. Kif jistaʼ jerġaʼ jkollok kontroll?

EŻEMPJU BIBLIKU: MOSÈ

Peress li kien l-uniku mħallef fl-Iżrael fi żminijiet Bibliċi, Mosè forsi ħass li kien qiegħed sempliċement jagħmel li kien hemm bżonn. Imma l-kunjatu qallu: “Mhux tajjeb kif qed tagħmel. Żgur li se tegħja.” Hu ssuġġerixxa li Mosè jiddelega l-biċċa l-kbira tal-iġġudikar lil irġiel kapaċi u li huma jressqu l-każijiet diffiċli biss quddiem Mosè. Ir-riżultat? Il-kunjatu taʼ Mosè assigurah: “Tkun tistaʼ żżomm sħiħ u, barra minn hekk, dan il-poplu kollu jasal f’postu bis-sliem.”—Eżodu 18:17-23.

X’TAGĦMEL DELINA

Kif issemma fl-ewwel artiklu, Delina tbati bid-distonja, marda newromuskolari. Hi tieħu ħsieb ukoll lit-tliet ħutha b’diżabilità. “Jien sibt li jekk nieħu l-affarijiet ġurnata b’ġurnata u jekk nevita t-tnikkir inaqqas l-istress,” tgħid hi. “Li ngħid lil oħrajn dwar is-sitwazzjoni tiegħi rriżulta f’li jkolli l-għajnuna mingħand oħrajn, inkluż żewġi. Ukoll, inqattaʼ ftit ħin kuljum fil-ġnien—ħaġa li ttini ħafna sodisfazzjon.”

“Għal kollox hemm żmien stabbilit.”—Ekkleżjasti 3:1

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Jekk dak li jintalab wisq minnek qed jikkontrollalek ħajtek, ipprova dan li ġej:

  • Ipprova sib lil xi ħadd biex jgħinek. Pereżempju, għandek tfal li jgħixu miegħek u li jistgħu jgħinu? Għandek membri tal-familja jew ħbieb li jgħixu fil-qrib u li jistgħu jagħtu daqqa t’id?

  • Għid lil oħrajn xi jkollok bżonn. Pereżempju, tkellem mal-imgħallem jekk dak li qed jitlob minnek ma jkunx raġunevoli. Dan ma jfissirx li trid tagħti n-notice. Sempliċement għidlu b’dak li tkun għaddej minnu. Forsi jkun lest inaqqaslek l-ammont taʼ xogħol li jkollok x’tagħmel.

  • Żomm amment taʼ x’jintalab minnek f’ġimgħa. Tistaʼ tiddelega xi ħaġa lil ħaddieħor?

  • Kun selettiv meta taċċetta stediniet soċjali. Jekk ma tistax tattendi minħabba li ma jkollokx ħin jew enerġija, bil-ħlewwa għid le.

L-iktar ħaġa importanti: Jekk tipprova tagħmel kollox, għandu mnejn tispiċċa ma tkun tistaʼ tagħmel xejn.