Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

L-adulterju

L-adulterju

Minkejja l-benefiċċji li ġeneralment huma mfaħħrin tal-lealtà fiż-żwieġ, l-adulterju jibqaʼ jħarbat ħafna familji.

X’inhu l-adulterju?

DAK LI JGĦIDU N-NIES

F’xi kulturi, is-sess barra ż-żwieġ mhux meqjus bħala ħażin, speċjalment min-naħa tal-irġiel. U xi wħud ma jqisux iż-żwieġ bħala unjoni permanenti.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Fil-Bibbja, l-adulterju ġeneralment jirreferi għal relazzjonijiet volontarji minn individwu miżżewweġ—kemm raġel jew mara—maʼ xi ħadd li mhux ir-raġel jew il-mara tiegħu. (Ġob 24:15; Proverbji 30:20) L-adulterju huwa xi ħaġa mistkerrha mill-ħarsa t’Alla. Fl-Iżrael tal-qedem, il-kastig għalih kien il-mewt. (Levitiku 18:20, 22, 29) Ġesù għallem li s-segwaċi tiegħu kellhom jevitaw l-adulterju.—Mattew 5:27, 28; Luqa 18:18-20.

GĦALA HU IMPORTANTI

L-adulteri jiksru l-wegħda solenni li għamlu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħhom meta żżewġu. L-adulterju huwa wkoll ‘dnub kontra Alla.’ (Ġenesi 39:7-9). Jistaʼ jifred krudelment lit-tfal mill-ġenituri. Iżjed minn hekk, il-Bibbja twissi li “Alla jiġġudika . . . lill-adulteri.”—Ebrej 13:4.

“Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-sodda taż-żwieġ bla tinġis.”Ebrej 13:4.

 L-adulterju jtemm l-għaqda taż-żwieġ?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-Bibbja tippermetti lil individwu miżżewweġ li jtemm l-għaqda taż-żwieġ tiegħu minħabba immoralità sesswali min-naħa tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħu. (Mattew 19:9) Dan ifisser li wara att taʼ infedeltà, is-sieħeb innoċenti għandu d-dritt jiddeċiedi jekk jibqax mas-sieħeb jew sieħba żleali jew jiddivorzjax. Din hi deċiżjoni personali.—Galatin 6:5.

Min-naħa l-oħra, mill-ħarsa t’Alla ż-żwieġ hu għaqda sagra sal-mewt. (1 Korintin 7:39) Alla jobgħod il-fatt li wieħed jiddivorzja għal raġunijiet ibbażati fuq affarijiet żgħar, bħal li sempliċement ma jkunx sodisfatt bis-sieħeb jew is-sieħba tiegħu. Għalhekk, deċiżjoni dwar id-divorzju m’għandhiex tittieħed ħafif ħafif.—Malakija 2:16; Mattew 19:3-6.

“Jien ngħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, iqegħedha fil-periklu li tagħmel adulterju.”Mattew 5:32.

Huwa l-adulterju dnub li ma jinħafirx?

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Le. Il-Bibbja tgħid li Alla juri ħniena lil dawk li jindmu u jduru lura minn dnubiethom— inkluż l-adulterju. (Atti 3:19; Galatin 5:19-21) Infatti, il-Bibbja titkellem dwar irġiel u nisa li ma baqgħux jagħmlu adulterju u iżjed tard saru l-ħbieb t’Alla.—1 Korintin 6:9-11.

Il-ħniena t’Alla ntweriet fil-każ tas-Sultan David tal-Iżrael tal-qedem. David għamel adulterju mal-mara taʼ wieħed mill-uffiċjali tal-armata tiegħu. (2 Samwel 11:2-4) Il-Bibbja tgħid ċar u tond li “dak li kien għamel David deher ħażin” f’għajnejn Alla. (2 Samwel 11:27) Wara li ngħata ċanfira, David nidem u Alla ħafirlu. Minkejja dan, David kellu jbati l-konsegwenzi taʼ niket għall-azzjonijiet tiegħu. (2 Samwel 12:13, 14) Is-sultan għaref Salamun iktar tard ikkonferma li “kulmin jagħmel adulterju . . . għandu qalbu belha.”—Proverbji 6:32.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Jekk għamilt adulterju, għandek bżonn titlob maħfra kemm lil Alla u kemm lir-raġel jew il-mara tiegħek. (Salm 51:1-5) Tgħallem obgħod l-adulterju bħalma jagħmel Alla. (Salm 97:10) Kun determinat li tevita l-pornografija, fantasiji sesswali, li tifflertja, jew kull ħaġa oħra li tistaʼ twasslek għal li jkollok interess sesswali f’ħaddieħor li mhux is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek.—Mattew 5:27, 28; Ġakbu 1:14, 15.

Jekk kont vittma tal-adulterju taʼ żewġek jew martek, serraħ moħħok li Alla jifhem kif tħossok. (Malakija 2:13, 14) Itlob għall-faraġ u l-gwida tenera tiegħu, u hu “jsostnik.” (Salm 55:22) Jekk tagħżel li taħfer lil żewġek jew martek u tkompli biż-żwieġ tiegħek, it-tnejn li intom ikollkom bżonn taħdmu bis-sħiħ sabiex terġgħu ssaħħu l-għaqda taż-żwieġ tagħkom.—Efesin 4:32.

“Ġeħova, madankollu, jaħfirlek dnubek,” qal il-profeta Natan lil David li kien nidem wara l-adulterju tiegħu.2 Samwel 12:13.